B’kollox se jkunu madwar 16-il ruħ li se jesploraw zoni f’Malta fejn jista’ jkun hemm attività paranormali. Dawn jinkludu l-Imdina, il-Birgu, l-Isla u l-Belt Valletta u l-Imnajdra.
Filgħaxija se ssir investigazzjoni konġunta f’Selmun. “Investigazzjoni xi tkun?” saqsejna lil Charlo Sammut, minn Malta Paranormal, li qed jorganizzaw l-avveniment.
“Ilħna…ħsejjes” iweġibna “insaqsu jekk hemmx xi ħadd li jrid jikkomunika magħna u niġbdu kemm nistgħu filmati”.
“U għaliex Selmun?” insaqsu. Iweġibna li hemm, l-attivtà paranormali hija normali.
Saqsejna lil Charlo jekk jibżax. “Inkun qed nigdeb ngħid li le”, weġibna. Pero jgħidilna li sa seba’ snin ilu kien jibża ħafna mid-dlam. Tant li jekk tfaqqa’ s-salvavita, kien ikollha tmur martu biex tixgħelha. Iżda mbad, għadda minn esperjenza fid-dawl tax-xemx ta’ nofsinhar. Ħass lil xi ħadd imissu u sema’ leħen, meta ma kien hemm ħadd ħaj fil-madwar.
“Illum”, jgħid Charlo, “nibża ħafna iktar mill-ħaj milli mill-mejjet”.