“Għandna pajjiż bl-akbar numru ta’ ħaddiema u nies jaħdmu fl-istorja. Qatt ma kien hawn xogħol daqskemm hawn illum. Qatt ma kellna daqshekk ftit nies fil-qgħad daqskemm għandna llum. Mhux nikellmu biss dwar xogħol, iżda dwar il-ħolqien ta’ karrieri għall-mobilità soċjali.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-eluf ta’ persuni li nġabru fi Pjazza Kastilja.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li għall-ewwel darba f’pajjiżna, illum hawn iktar xogħol milli nies. Huwa qal li dan mhux biżżejjed għax irid jara xogħol aħjar għal aktar nies imħarrġa u pagi aħjar, fejn il-familji u wliedna jgħixu aħjar. Huwa qal li l-Gvern irid ikabbar mill-ġdid l-ekonomija u jara li jgawdi kulħadd.
“Il-ġid irid jilħaq aktar nies għax il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza huma l-għan finali tagħna. U ġustizzja soċjali ma tistax isseħħ mingħajr prosperità ekonomika. Iżda prosperità ekonomika mingħajr ġustizzja soċjali ma tiswa xejn.”
Il-Prim Ministru qal li jaf li għad hawn min hu bla xogħol, bil-paga baxxa wisq, u fil-faqar, u li fis sentejn li ġejjin, dawn il-problemi nsolvuhom ukoll.
Saħaq li dan il-Gvern għamel ħafna iktar milli ħaddieħor tkellem u ma wettaqx f’25 sena. Appella biex ma jsirx l-iżball li l-progress huwa inevitabbli u li l-affarijiet isiru waħidhom.
B’referenza għall-amministrazzjoni preċedenti, il-Prim Ministru qal ħallew dar li minn barra kienet tidher tajba iżda minn ġewwa kienet imkissra.
“Writna dar bl-għamara mkissra, bis-soqfa qed jaqgħu. Middejna għonqna għax-xogħol. Minflok qagħdna neqirdu, dħalna għax-xogħol u sewwejna s-soqfa. Konna nħarsu barra mit-tieqa u naraw lil ħaddiehor jikkritika. U aħna konna ngħidu, ejjew, tuna daqqa t’id, għax din hija d-dar ta’ kulħadd. Iżda ma’ kull ċans li jiġi kienu jfixkluna.”
Muscat kompla jgħid li issa, li wara tliet snin is-soqfa ġiet irranġata, l-art ġiet mibdula, il-pedamenti reġgħu saru sodi mill-ġdid. Iżda wara li għamilna dan kollu, jiġu jgħidulna li ‘hemm mhux imbajjad tajjjeb’. Hawnhekk il-Prim Ministru qal li perfetti m’aħniex u li żbalji jsiru.
Wara li ħallewlna l-affarijiet imkissrin qed jgħidulna tuna ċ-ċwievet lura. “U aħna ngħidu ‘Le’. Il-poplu jrid li dan il-Gvern itemm xogħlu u jkompli jmexxi l-pajjiż.”
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li ħaddieħor moħħu biex jagħmel sentejn jikkritika, il-Gvern se jagħmel sentejn oħra jaħdem aktar minn qatt qabel.
Dan l-investimenti jlaħħqu l-€153 miljun f’ġimgħa waħda biss u nħolqu madwar 500 mitt post tax-xogħol ġdid.
https://youtu.be/ht1Zc2iJsV0
“Il-Gvern se jieħu ħsieb il-ħaddiema bil-minimum wage”
“Qabel, il-Gvern kien sponsor tal-prekarjat. Issa l-Gvern qed jiġġilidlu. Żidna pagi ta’ eluf ta ħaddiema, inkluż tas-securities, carers, u cleaners. Issa se nkomplu ntejbu drittijiet tagħhom.”
Il-Prim Mistru ħabbar regolamenti li mhux se joħorġu kuntratti tal-Gvern ta’ inqas minn sena. Ħaddiema li jaħdmu ma’ kuntrattur ma jistax jaħdmu tliet xhur. Huwa qal li b’dawn ir-regolamenti ġodda, mhux bilfors min jitfa’ l-irħas offerta, jirbaħ għax irid ikun konvint li min jittratta l-ħaddiem l-aħjar jirbaħ.
Huwa qal li kuntrattur li jkollu ftehim kollettiv, li jkollu unjin li tirrappreżenta l-ħaddiema, u kuntrattur li jimpjega persuni b’diżabilità, ser ikollu iktar ċans li jieħu xogħol tal-Gvern.
B’referenza għall-ambjent, Muscat qal li l-Gvern fadallu ħafna xi jsir biex juri li dan il-Gvern, bil-fatti għandu għal qalbu l-ambjent.
“Il-Gvern mhux se juża art barra miż-żona taż-żvilupp għall-proġetti tiegħu. Iħares lejn spazji mitluqa. Li bini vojt u kummerċjali jitpoġġa lura fis-suq.”
Huwa qal li fis-sentejn li ġejjin il-kumpanija tal-Enemalta se tiġi bil-qligħ u tagħti lura flus lill-poplu Malti u Għawdxi. Żied jgħid li se naqilbu għall-gass u jkollna studju lest biex nagħqdu s-sistema tal-gass ta’ Malta mal-Italja.
Dwar is-sitwazzjoni tal-Air Malta, Muscat qal li l-Gvern se jagħmel minn kollox biex isalvaha.
Ma jrid ikollok ebda idea biex tibqa’ tikellem fuq firdiet ta’ 12-il sena ilu.
“Illum aħna poplu wieħed li jħares ’il quddiem u għandu l-iktar Gvern Erwopew bil-fatti u mhux bil-kliem.”
Fi kliem il-Prim Ministru, il-Gvern se jkompli jaħdem biex il-kawżi jkomplu jinqatgħu f’inqas żmien, ikun hawn iktar ugwaljanza bejn is-sessi, li jressaq liġi tal-IVF aħjar, li nitkellmu dwar żwieġ bejn koppji tal- istess sess, li tiġi introdotta liġi li tipproteġi eluf ta’ familji li jikkoabitaw, trasport pubbliku li jaqdi lin-nies, toroq aħjar, li tkun indirizzata l-problema tal-parkeġġ fl-Università, jidħol fis-seħħ bank ta’ żvilupp li permezz tiegħu jingħata nifs lill-infrastruttura f’pajjiżna, issir mina bejn Malta u Għawdex u tidħol fis-seħħ sistema ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex; u tingħata l-għajnuna lil dawk il-bdiewa li sofrew min-nixfa ta’ din is-sena.
Il-Prim Ministru qal li l-pjan ta’ governanza jrid jitwettaq. Il-Membri Parlamentari jitħallsu biss jekk jidħlu jaħdmu l-Parlament u l-kuntratti kollha maġġuri se jiġu ppubblikati sal-aħħar tas-sena u li kull kuntratt maġġuri li jkollu dan il-Gvern se jkun ippublikat billi jkun hemm sistema li tipproteġi l-interessi kummerċjali, u sistema ta’ skurtinju msejħa ‘open contracting’.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jirnexxielu jraħħas id-dejn kollu li ħalliet l-amministrazzjoni preċedenti fil-ħames snin ta’ qabel.
“L-ewwel żieda fil-pensjonijiet mhux se tkun ta’ darba”
Lill-anzjani qalilhom li l-ewwel żieda fil-pensjonijiet mhux se tkun ta’ darba, iżda ser ikomplu jiżdiedu l-benefiċċji.
“L-ewwel li jiżdiedu huma dawk li jieħdu pensjoni tal-wens; min jissagrfika lilu nnifsu għal ommu, ħutu, u oħrajn. Dan il-Gvern irid jgħidlu grazzi.”
B’referenza għall-persuni b’diżabilità, Muscat qal li qatt daqs illum ma kien hawn persuni b’diżabilità li qegħdin jaħdmu. “Grazzi talli ħriġtu taħdmu. Li qed tagħmlu l-proġett tagħna suċċess.”
Il-Prim Ministru qal li l-Pulizija se jitħallsu tal-overtime u li l-ħaddiema tax-Xatt u l-ħaddiema tas-Seamalta jieħdu dak li ħaqqhom.
“Illum għandna l-inqas rata ta’ nies fil-qgħad. Qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kellna tant xogħol li għandna tant ftit nies fil-qgħad. Xorta rridu ngħinu lil dawk li l-4,000 ruħ li għadhom mingħajr impjieg. L-għan tagħna huwa li filwaqt li writna qgħad li kien jilħaq l-10,000, aħna nniżluh taħt l-4,000. Dan huwa l-unika moviment b’viżjoni u pjan.”
Muscat qal li l-Gvern jagħmel żbalji u li ħafna jistennew aħjar. Sostna li se jitgħabba bl-iżbalji ta’ kulħadd għax fl-aħħar mill-aħħar huwa l-persuna responsabbli.
Fi kliemu dan il-Gvern għandu enerġija u li fis-sentejn li ġejjin dak kollu li sar jiġi rduppjat u se jitpattew l-iżbalji li saru.
“Nirringrazjawkom tas-saħħa li qed ittuna. Talli intom ħaġa waħda magħna. U għalhekk ta’ kuljum nidħlu b’saħħa kbira fil-binjiet kollha fejn naħdmu. Din mhix kwistjoni ta’ kif nistgħu naslu billi nagħmlu l-istess affarijiet, imma nagħmlu aħjar milli għamilna.”
Muscat qal li l-poplu għandu għażla ċara bejn moviment li jrid pajjiż aħjar, u nies li huma bitter lejn dak li kapaċi jagħmel il-pajjiż. Għażla ċara bejn il-pożittiv u n-negattiv. Bejn is-serenità u l-isteriżmu. Bejn mingħandu pjan u min m’għandu ebda idea. Bejn mingħandu viżjoni u min huwa bla ebda pjan. Jinħoloq il-ġid u jitqassam.
Żied jgħid li hemm għażla bejn min jiġġieled il-prekarjat u min joħolqu. Bejn tkabbir ekonomiku u bailout.
Irringrazzja lil dawk li attendew għal din l-attività u li taw sinjal ċar.
“Imlejtuna b’saħħa u kuraġġ liema bħalu. Ħa naħdmu kuljum, dejjem aktar. Malta qed tinbidel.”