Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar qal li hija għal għal kollox skorretta l-impressjoni li qed tipprova tagħti l-UĦM dwar xi tneħħija tat-telework mis-Settur Pubbliku.
Is-Sur Cutajar qal dan fi stqarrija fejn sostna li sa lbieraħ stess saħaq pubblikament kif fi żmien meta ħafna xogħol mal-gvern kien qed isir mid-djar, saret analiżi biex ikun magħruf x’jista’ jitjieb kemm fl-istrutturi u kemm fit-teknoloġija.
Dan bil-għan li permezz ta’ remote working, ikun hemm bilanċi ġodda bejn il-ħtiġijiet tas-servizz u tal-impjegat.
Fl-istqarrija intqal ukoll li s-Servizz Pubbliku ilu għal snin twal iħaddem sistemi ta’ flessibiltà fix-xogħol tiegħu inkluż it-teleworking.
Fil-fatt, bejn il-ġurnata meta ħarġet iċ-ċirkulari tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u lbieraħ, kienu proċessati għadd ta’ talbiet għal teleworking temporanju minħabba ċirkostanza jew oħra, u l-managements għamlu l-arranġamenti adekwati għad-dipartimenti tagħhom.