Mhumiex minnu li, bil-Baġit 2025, l-età tal-irtirar se tiżdied. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kien hemm ukoll ċaħda kategorika mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon fuq il-midja soċjali.
Dan wara xniegħa fuq il-midja soċjali u mill-Partit Nazzjonalista.
Dwar dan ikkummenta l-Prim Ministru Robert Abela, meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara d-diskors tal-Baġit 2025, bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Qal, “L-età tal-irtirar kif kien żieda l-Partit Nazzjonalista fl-2006 għal dawk imweldin fis-sena 1976 hi ta’ 65 sena u ħa tibqa’ hekk. Jiġifieri dak li qegħdin ipprovaw iwasslu friegħi tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista nnifsu, li se titla’ l-età tal-irtirar, hi xi ħaġa li assolutament mhijiex minnha. Kien biss il-Partit Nazzjonalista fl-2006 li tella’ l-età tal-irtirar.”
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru nnota kif it-Tnejn, dakinhar tad-diskors tal-baġit, il-Partit Nazzjonalista mar jiftaħ kawża l-Qorti biex irażżan lill-Gvern milli jxandar il-messaġġ tiegħu dwar dak li kien se jitħabbar mill-Ministru għal-Finanzi.
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar jagħmel dan flimkien mas-Segretarju Ġenerali preżenti u s-Segretarju Ġenerali ta’ żmien GonziPN, Pawlu Borg Olivier.
Qal, “Inwieġbek għalkemm billi l-Partit Nazzjonalista llum ipprova jagħmel sarima bil-Qorti. Jiġifieri mar il-Qorti, f’jum il-baġit, biex iżomm l-ispots jiġu rreklamati. Verament, Partit Nazzjonalista fi stat ta’ paniku, li ma jridx iħalli lill-Gvern jispjega l-ħidma tiegħu lin-nies.”