Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima tenna li mhux se tkun qiegħda tiżdied il-load tal-lezzjonijiet jew tal-kwalifiċi għall-għalliema fid-dawl ta’ dak propost b’rabta mal-pakkett finanzjarju.
Il-Ministru qal dan permezz ta’ intervent telefoniku waqt il-programm fuq ONE Radio, Sibt il-Punt ippreżentat minn Manuel Micallef, dan hekk kif bħalissa għaddejjin taħditiet għal ftehim kollettiv ġdid għall-għalliema.
Ftehim li għalih il-Gvern qiegħed jipproponi li għalliema, li jkunu għadhom kemm gradwaw u jidħlu fis-sistema edukattiva, jibdew b’salarju ta’ sitta u tletin elf ewro.
Dan minflokk is-sitta u għoxrin elf ewro li għandhom sa issa, u b’hekk ifisser żieda ta’ għaxart elef ewro.
B’rabta ma din iż-żieda, il-Ministru Grima rċieva għadd kbir ta’ messaġġi mingħand diversi għalliema li staqsewh jekk din iż-żieda uwx se tfisser żieda fil-load ta’ lezzjonijiet u żieda fil-kwalifiċi.
Għal din il-mistoqsija, il-Ministru wieġeb b’mod ċar.
“Aħna vera se jkollna ż-żieda tagħna marbuta ma żidiet fil-load tal-lezzjonijiet li nagħmlu, ma żidiet fil-kwalifiċi li nġibu? Le. Irrid nkun ċar ħafna, qed nipproponu ż-żidiet b’saħħithom lill-kulħadd, lill-kulħadd. B’mod irrelevanti jekk wieħed ikomplix jitħarreġ u b’mod ċar ħafna li wieħed ma jżidx il-load.”
Clifton Grima – Ministru
B’hekk l-għalliema se jibqa’ jkollhom l-obbligu li jagħmlu 24+1 lezzjoni fil-ġimgħa, kif qed jagħmlu bħalissa.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru spjega wkoll id-dettalji b’rabta mal-allowance li se jingħata lill-edukaturi tal-kindergartens u l-LSEs li jagħmlu 20 sena fil-klassi mal-istudenti.
“L-Allowance tal-KGE’s u l-LSE’s, fejn kien hemm għidut, u jien irċivejt messaġġi minn LSE’s u KGE’s fejn qaluli li vera bl-allowance aħna m’aħniex se nieħduha? Le. Il-KGE’s u l-LSE’s għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż ħa jkunu qed jirċievu dik l-allowance meta jagħtu s-servizz għal aktar minn għoxrin sena fil-klassijiet tagħna, liema allowance kien riżervat biss għat-teachers.”
Clifton Grima – Ministru
Il-Ministru Grima qal li jemmen li hemm ir-rieda minn dawk kollha involuti sabiex dan il-ftehim jiġi magħluq, ħalli wieħed jagħti s-serenità neċessarja lill-edukatturi kollha, kif ukoll lill-ġenituri.
Il-Ministru Grima temm jgħid li hu dejjem dispost li jiltaqa’ mal-unjin tal-għalliema, l-MUT, tant li reġa’ estenda stedina biex issir laqgħa oħra.
Intant, b’reazzjoni għal dak li pruvat tpenġi l-MUT, il-Ministru Grima appella għal darba oħra sabiex din l-Unjin tagħti t-tagħrif kollu u fattwali lill-membri tagħha. Fil-fatt, il-Ministru sostna li fl-ebda mument l-MUT ma tagħmel referenza għall-aħħar 2 laqgħat li saru din il-ġimgħa stess.
Huwa żied jgħid li f’każ li l-MUT tonqos milli tagħmel dan, u tkompli xxerred informazzjoni selettiva li tagħti stampa li mhix reali, allura l-Gvern ma jibqalux għażla ħlief li jippubblika kollox hu.
Il-Ministru temm jgħid li meta l-Gvern jippubblika kollox, kulħadd se jkun jista’ japprezza l-vera fatti.