Mhu veru xejn li fil-Belt jew fil-kumplament tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex se jittellgħu serati ta’ divertiment b’rabta ma’ żmien il-Milied.
Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ċċaraw l-impressjoni li ngħatat minn xi wħud.
Kif diġà ġie spjegat waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn, din is-sena mhux se jkun possibbli li jiġu organizzati l-avvenimenti tal-massa jew l-attivitajiet annwali li jsiru s-soltu waqt il-Milied u dan bħala prekawzjoni għall-imxija tal-COVID-19. Tant li anke tħassru l-avvenimenti kbar kollha inkluż Winter Wonderland.
Kif ġie spjegat ukoll waqt il-konferenza, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se żżejjen biss it-toroq ewlenin, se tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, se jintrama l-presepju, kif ukoll se ssir projezzjoni ta’ dwal fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President u fi Pjazza San Ġorġ.
Il-ħsieb wara dan huwa biex permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, kull min se jkun qed iżur il-kapitali fi żmien il-Milied, se jkun jista’ jgawdi minn atmosfera sabiħa u pożittiva li jġib miegħu żmien il-Milied.
Dawn l-inizjattivi żgħar u fil-miftuħ se jkunu konformi b’mod assolut mad-direttivi u l-protokolli li jkunu fis-seħħ mill-awtoritajiet tas-saħħa. Kull persuna li tidħol fil-Belt Valletta trid ukoll tirrispetta l-liġijiet eżistenti fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri u d-distanza soċjali.
Intant, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali saħqu li s-saħħa tan-nies tibqa’ prijorità.