Arnold Cassola ried li l-ispeaker ikun investigat mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika għaliex ma qabilx miegħu f’vot fil-Kumitat għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dak tal-ispeaker Anġlu Farrugia kien vot motivat fejn f’ruling dettaljat ħafna hu spjega li ma jistax jagħti sanzjonijiet fuq linji gwida li mhumiex parti mil-liġijiet ta’ pajjiżna. Dan għax rapport tal-Kummissarju ma kienx mibni fuq affarijiet li qegħdin fil-liġi.
Iżda, Arnold Cassola, mar jiġri għand il-Kummissarju jagħmel rapport kontra Farrugia. Hawn il-Kummissarju preżenti rrefera għal deċiżjoni li diġà kien ta’ l-Kummissarju Preċedenti George Hyzler fejn qal li bħala regola l-ispeaker ma jistax ikun suġġett tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards meta jkun qed jeżegwixxi l-irwol tiegħu.
Saħansitra kien emfasizzat li dan ukoll fl-irwol tiegħu ta’ ċermen ta’ dan il-kumitat, għaliex kieku jsir kif ippropona Cassola, joħloq kunflitt bejn l-irwoli diversi. Dan għax bħala ċermen tal-kumitat, l-ispeaker ikun qed jiskrutinizza rapporti tal-istess Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.