Dan li se nikteb għall-informazzjoni u mhux biex nagħmel ġudizzju fuq xi ħadd. Rajt wisq f’dawn il-ġranet.
Meta bniedem jitressaq arrestat u jibqa’ arrestat, għax ma jingħatax ħelsien mill-arrest, il-kumpilazzjoni tiegħu trid tibda qabel jagħlqu 15-il ġurnata. Il-maġistrat jitla’ bix-xorti, u dan b’mod ma jkunx hemm manuvri ħalli jkun dak u mhux l-ieħor. Il-kumpilazzjoni trid tingħalaq fi żmien xahar. Dan iż-żmien jista’ jittawwal sa tliet xhur, imma wara l-ewwel xahar bil-permess tal-President ta’ Malta, li naturalment ikollu l-parir tal-Ministru tal-Ġustizzja.
Matul il-kumpilazzjoni, il-Prosekuzzjoni trid iġġib provi biżżejjed li juru li l-bniedem li hemm arrestat wettaq xi ħaġa fil-każ, fis-sens li jista’ jkun ħati. Il-provi jistgħu jkunu nies li jitilgħu xhieda, stqarrijiet li jagħmel l-arrestat, dokumenti, inklużi recordings eċċ.
Fl-aħħar, il-Maġistrat jagħmel dikjarazzjoni li, fuq il-provi li hemm, hemm raġunijiet biżżejjed biex l-imputat jitressaq taħt att ta’ akkuża. Jekk jgħid li ma hemmx l-Avukat Ġenerali jista’ jikkontesta dan quddiem imħallef.
Waqt il-kumpilazzjoni l-provi jridu jkunu provi. Mhux kulħadd ifajjar u jgħid li jrid. Anke l-imputat. Jista’ jitkellem imma dak li għandu x’jaqsam mal-akkuża tiegħu.
Il-prosekuzzjoni wkoll ma tistax ittella’ u tistaqsi lil min trid. Eżempji, mart l-imputat, tabib li ma jkunx espert tal-qorti, li jkun tabib privat tal-imputat.
L-anqas kull mistoqsija ma titħalla bil-fors lill-avukat tad-difiża. Pereżempju jekk lill-pulizija jistaqsi l-isem tal-informer. Il-pulizija għandhom dritt ma jgħidux. Dak li jgħid l-informer ipoġġi lill-pulizija fit-triq tal-investigazzjoni, imma prosekutur ma jistax jgħid, “dak kien l-informer li qalli, din hija prova, imma mhux se ngħid x’jismu jew intellgħu xhud.” Dak kien fi żmien l-inkwizizzjoni mhux fid-demokrazija.
Ma jfissirx li wara xahar il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jieqfu hemm. Wara li l-proċess imur għand l-Avukat Ġenerali dan għandu żmien biex jistudjah, u jista’ jibagħtu lura lill-Qorti tal-Maġistrati biex tisma’ aktar provi.
Ridt nikteb dan għax dawn huma l-qofol tal-proċeduri u mhux kulħadd ifajjar kif jaħsibha hu li hekk suppost.