Alfred Sant qal li mhux konvint li meta l-Parlament Ewropew jiċċensura stati membri, ikun qed juża l-istess metodi ma’ kullħadd.
Qal dan meta ivvota b’riserva favur riżoluzzjoni li tesprimi t-tħassib tal-Parlament Ewropew dwar l-iffriżar tat-Tribunal Kostituzzjonali fil-Polonja, li qed jipperikola d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-liġi.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’510 voti favur, 160 kontra u 29 astensjoni. Ftit xhur ilu l-Kummissjoni Ewropea qablet li tiftaħ inkjesta dwar ir-riformi fil-Qorti Kostituzzjonali Pollakka. Il-Polonja ntalbet twettaq, fi żmien tliet xhur, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u ssib kompromess bejn il-partiti tal-parlament.
“F’bosta sitwazzjonijiet ta’ kriżijiet nazzjonali, il-konflitti partiġġjani ta’ formazzjonijiet politiċi jistgħu jkunu influwenzati minn strateġiji moħbija” sostna Sant.
Il-Parlament Ewropew esprima tħassib fuq żviluppi ġodda dwar l-imparzjalità fil-qasam tax-xandir, id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, id-dritt tal-privatezza, id-dritt ta’ smigħ ġust waqt kawża l-qorti, l-imparzjalità politika fl-amministrazzjoni tal-pajjiż u drittijiet fundamentali oħra li jinkludu d-drittijiet tan-nisa.