Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech baqa’ mhux kapaċi jsemmi tliet pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea li qegħdin jissussidjaw il-prezzijiet tal-enerġija biex dawn jibqgħu stabbli għall-familji u n-negozji, bħal mhu qiegħed jagħmel il-Gvern Malti.
Meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News, jekk jafx isemmi tliet pajjiżi apparti pajjiżna li ssussidja l-kontijiet tad-dawl, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qalilna li hemm pajjiżi li għamlu dan, imma ma setax issemmilna l-pajjiżi.
F’perjodu ta’ sentejn, bejn is-sena li għaddiet u din is-sena, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun investa madwar biljun ewro, biex il-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji jibqgħu stabbli, f’dan il-perjodu ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Chris Said sostna li mhux jaqbel biss mal-Kap Bernard Grech meta sostna li s-sussidju tal-enerġija mhux sostenibbli, imma wkoll li Grech għandu raġun meta jgħid li l-għajnuna tal-Gvern biex il-kontijiet tad-dawl ma jogħlewx għall-familji u n-negozji, għandha issa tinqata’.
Fit-tweġiba lil ONE News, Chris Said tenna b’mod ċar li għall-Partit Nazzjonalista, is-sussidju fuq l-enerġija, waqt sfidi internazzjonali bla preċedent, fosthom wara pandemija u gwerra fl-Ukrajna, għandu jieqaf.
Sa ftit tax-xhur ilu, għal darba darbtejn, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli mhux l-aktar għażla sostenibbli, waqt li anki qal li bħal ma ġara fi żmien Gvern ta’ GonziPN, iħalli s-suq isuq u jitfa’ l-piż tal-prezzijiet tal-elettriku fuq in-nies.