Id-diskors kontroversjali li għamel Bernard Grech fil-Parlament bħal-lum ġimgħa ma waqafx jiġbed fuqu kritika ħarxa, wara li ġie deskritt minn bosta bħala xokkanti, miżoġenu, u insensittiv fil-konfront tan-nisa.
Fil-gazzetta Malta Today, l-editur Saviour Balzan ikkritika lil Grech talli, fid-dibattitu parlamentari, kien aggressiv u għażel li jirredikola lil Andrea Prudente, l-omm li sfortunatament korriet it-tqala tagħha.
L-istess għamel l-opinjonist tal-istess gazzetta Raphael Vassallo, li min-naħa iddeċieda li jaffronta b’ton nebbiexi d-diskors ta’ Bernard Grech fuq suġġett daqstant serju. Għamel dan għax qal li l-uniku mod kif wieħed jista’, b’xi mod, jagħmel sens minn dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, huwa li wieħed jirrikonoxxi d-diskors bħala ċajta immatura, insensittiva, u miżoġinista b’mod li jqażżek.
L-artikolist irrefera b’mod partikolari għaċ-ċajt bla sens li għamel Bernard Grech fuq mara tqila li kellha komplikazzjonijiet li wassluha biex titlef it-tqala tagħha.
Raphael Vassallo stqarr li Bernard Grech s’issa ta prova li mhux Kap tal-Oppożizzjoni li jista’ jittieħed bis-serjetà u li jista’ jibqa’ mfakkar bħala l-kap li l-aktar li ħa lill-Partit Nazzjonalista lura.
Vassallo kompla josserva li politiku li jiftaħar li huwa favur il-ħajja u li jgħid li l-partit tiegħu jemmen li l-individwu għandu dejjem ikun fil-qalba tal-politika kollha tiegħu ma wera lanqas nitfa mogħdrija lejn omm li għadha kif tilfet it-tqala tagħha b’korriment. Mhux talli ma wera l-ebda ħjiel ta’ mogħdrija umana lejn il-fetu ta’ 16-il ġimgħa nnifsu, talli ċċajta bil-korriment tiegħu u, kif għamel l-eks deputat tal-Blue Heroes Jason Azzopardi, ippreżenta dan il-każ bħala xi manuvra li saret apposta.
Din il-kritika tingħaqad ma’ diversi appelli li saru lil Bernard Grech biex jirriżenja u bosta kritika ħarxa oħra, fosthom minn midja oħra bħat-Times of Malta u it-Torċa, u minn organizzazzjonijiet bħall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, il-Malta Women’s Lobby, u l-Graffitti.