“Jien mhux se nimmissja l-ħajja tal-Palazz, iżda se nħoss in-nuqqas tal-kuntatt man-nies.”
Stqarr dan ir-raġel tal-President ta’ Malta, is-Sur Edgar Preca, f’din l-aħħar Istrina tal-familja Preca, hekk kif erba xhur oħra tiġi fi tmiemha l-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca.
Edgar Preca qal “Mhux se nimmissja l-ħajja tal-Palazz pero se nimmissja żjarat fl-ispartijiet ma’ Marie Louise Londra, żjarat fil-Hospice u d-djar tal-anzjani. Memorji sbieħ li se jibqgħu f’qalbi.”
Jiem biss ’il bogħod mill-Istrina, is-Sur Preca appella għall-ġenerozità tal-poplu malti.
Bil-ġenerozità tal-poplu Malti nġabret is-somma sabiħa ta’ sitt miljun ewro. Izda matul dis-sena, il-Malta Community Chest Fund nefqet seba’ miljun u ħames mitt elf ewro biex tgħin lil dawk fil-bzonn.
Bil-Malta Community Chest Fund qiegħed taħseb li s-sena id-dieħla se jkollha bzonn disa miljun ewro sabiex tlaħħaq mat-talbiet ta’ għajnuna.
Is-Sur Preca qal li l-Malta Community Chest Fund ta’ kull xahar tonfoq tmien mitt elf ewro fuq kimoterapija speċjalizzata.
Qal “L-ispejjeż huma enormi ġieli nonfqu kwart ta’ miljun fuq pazjent wieħed u l-qalb tal-Maltin hija kbira.”
Il-Ġimgħa filgħodu, is-Sur Preca żar il-proċess tal-għadd tal-munita kollha li nġabru tul il-Kampanja Bov Piggy Bank għall-Istrina. Huwa ltaqa’ ma’ grupp ta’ impjiegati u voluntiera li bdew jgħoddu mijiet ta’ eluf ta’ minuti li nġabru fil-madwar elfejn piggy bank li tqassmu fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.
Preca qal “Ma nafx kemm hi s-somma pero se jkollna sorpriża sabiħa.”
Is-somma li nġabret mill-ħmistax-il sena konsekuttiva tal-kampanja BOV Piggy Bank se titħabbar fl-Istrina nhar l-Erbgħa.