Il-Qtil tal-omm ta’ 41 sena, Caroline Magri, wassal għal bosta kummenti fuq is-sit soċjali facebook dwar persuni ta’ nazzjonalita barranija f’pajjiżna, hekk kif Djibril Ganiou, raġel ta’ 33 sena mit-Togo residenti f’pajjiżna huwa akkużat b’rabta ma’ dan il-qtil.
Jispikkaw il-kummenti kontra l-multikulturaliżmu f’pajjiżna, fejn numru ta’ persuni, stqarru li dan l-0miċidju ma kienx iseħħ li kieku Malta ma taċċettax lil persuni ta’ nazzjonalita barranija.
Dwar dan one.com.mt tkellem ma’ Sara Ezabe, Maltija Musulmana li kienet premjata mir-Reġina tal-Ingilterra għas-sehem tagħha fis-soċjetà kif ukoll studenta tal-liġi.
B’reazzjoni għal dawn il-kummenti Sara fissret kif dan ma kienx l-ewwel qtil li sar f’Malta u li kien hemm numru ta’ omiċidiji oħrajn li saru minn persuni ta’ nazzjonalita Maltija. “L-atti kriminali huma dejjem kriminali u n-nazzjonalita ta’ persuna ma tagħmilx differenza quddiem il-liġi.”
Hija stqarret li ħafna nies ma jifhmux il-kunċett ta’ multikulturaliżmu u li għalhekk isiru ħafna minn dawn il-kummenti. “Din hija r-riċetta li jużaw dawk li jridu l-firda, għalhekk hawn bżonn ta’ aktar kuxjenza dwar l-inklużjoni soċjali.”
Iż-żgħażugħa fissret kif dawn il-kummenti itelfu biss f’dik li hija inklużjoni soċjali jekk nħalluhom u saħqet li atti kriminali jsiru minn kulħadd u mhux mill-barranin biss.
Fil-messaġġ imqanqal tagħha, Sara Ezabe, appellat li jeħtieġ li ngħelbu l-preġudizzji “Irridu nippruvaw ngħixu flimkien, wara kollox ‘il bogħod mid-differenzi kollha li ħloqna, aħna lkoll umanita’ waħda.”
Aqra aktar: Ħarġitu mill-ħabs