Katrina Bugeja, ta’ 28 sena miż-Żurrieq, instabet mhux ħatja li ffrodat lill-kumpanija Malta Public Transport.
Bugeja, li kienet tbigħ il-biljetti tat-trasport pubbliku, kienet mixlija li bejn Ġunju u Diċembru tal-2017 għamlet qligħ b’qerq ta’ madwar €17,000 b’dannu għall-MPT.
L-investigazzjoni bdiet wara rapport li sar mill-kumpanija, li allegat li sabet diskrepanzi bejn in-numru ta’ boroż bil-flus iddikjarati u dawk depożitati.
Bugeja għaddiet proċeduri ta’ dixxiplina u tkeċċiet mill-impjieg tagħha.
Wara s-smigħ tax-xhieda l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qalet li mhux xogħol il-Qorti li tara kif sparixxew l-irċevuti u kif il-boroż li kellhom ikunu fis-safe ma nstabux.
Intqal li l-provi wrew li Bugeja rċeviet flus tal-klijenti tal-kumpanija, li bagħtet rendikont tagħhom, imma ma ddaħħlux fis-sejf.
Il-Qorti m’emmnitx li l-imputata ma kinitx taf bl-importanza tal-irċevuti li kienu jippruvaw li dak depożitat minnha inġabar mill-kumpanija.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li temmen li Bugeja żammet għaliha flejjes tal-kumpanija li ġew mgħoddija lilha mill-klijenti.
Żiedet tgħid li ma nġiebu ebda provi li juru li l-MPT għaddiet flusha lil Bugeja.
Barra minn hekk, ma ġiex pruvat li Bugeja approprjat ruħha mill-flejjes.
Hija żiedet li l-imputata kellha tiġi mixlija b’reati ta’serq u minflok ġiet akkużata b’reati ta’ frodi u approprjazzjoni indebita.
B’hekk il-Qorti lliberat lil Bugeja mill-akkużi miġjuba kontriha.