Raġel ta’ 59 sena ma nstabx ħati fuq moħqrija tal-annimali iżda nstab ħati li xekkel lill-uffiċjali għall-ħarsien tal-annimali milli jagħmlu xogħolhom, wara li keċċihom u heddidhom li jkeskes il-klieb għalihom xħin sabu kelb midfun.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, tela’ jixhed Joseph Cassar mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, fejn spjega li meta marru f’residenza f’Ħad-Dingli, sabu kelb marbut fuq barra b’katina u kellu half chocker li kien irritalu għonqu għax kien jidher misluħ.
Huwa spjega li b’kollox nstabu sebat iklieb marbuta u li kellu klieb mhux reġistrati jew reġistrati fuq ħaddieħor.
Xehed ukoll li meta reġgħu marru sabu kelb nieqes u l-imputat qalilhom li kien raddu lil sidu u qal li xi ħadd daħal għandu u qattillu erbat iklieb iżda ma kienx għamel rapport lill-pulizija.
L-imputat qal lil Cassar li kien difinhom u wriehom fejn kien difinhom iżda meta bdew iħafru u xħin raw id ta’ kelb, l-imputat beda keċċihom u beda jheddidhom li jekk jerġgħu jmorru jkeskes il-kelb għalihom.
Il-Qorti lliberat lill-imputat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sitt xhur.