Wayne Falzon ġie lliberat, wara li tressaq il-Qorti mixli li seraq apparat u aċċessorji u wettaq xi ħsarat ġo showroom tal-karozzi.
L-allegat każ kien seħħ fit-tnax ta’ Frar tal-elfejn u tmienja.
Huwa kien akkużat b’serq aggravat minħabba n-natura tal-affarijiet li allegatament kien seraq, kif ukoll li hu riċediv.
Il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli semgħet ix-xhieda ta’ Surġent tal-Pulizija, li qal li rċieva rapport mis-sid tax-showroom li qal li l-ħaddiema li fetħu l-ħanut sabu l-istereos neqsin minn ħames karozzi u karozza mingħajr rimijiet.
Sid il-ħanut xehed li sofra danni ta’ elfejn u tliet mitt ewro.
Huwa kkonferma li l-imputat kien qed irodd dawn il-flus imma kien baqagħlu jagħti elf ewro.
B’rabta ma’ dan il-każ il-Pulizija kienet staqsiet xi mistoqsijiet lil wieħed mill-impjegati, li kien ilu jaħdem f’dan il-ħanut għal madwar tnax-il sena.
L-Ispettur Kurt Zahra ppreżenta fil-Qorti żewġ kopji ta’ stqarrijiet maħruġa mill-akkużat fl-elfejn u tnax, wara li dan tħalla jikkonsulta mal-avukat tiegħu.
Minkejja dan, il-Qorti nnutat diversi problemi fil-każ li ppreżentat il-Prosekuzzjoni.
Hija qalet li minkejja li nħatret inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ, din ma ġietx ippreżentata.
Barra minn hekk, il-Qorti qalet li ma hemmx evidenza li l-akkużat kien fix-showroom dakinhar li seħħet is-serqa u li kien hu li seraq dan is-stereo u r-rimijiet.
Għalhekk il-Qorti ma sabitx l-imputat ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża tmexxiet mill-Avukat Daniel Attard.