Carl Ciantar ta’ tmienja u għoxrin sena minn Ħal Tarxien ma nstabx ħati li seraq b’għaxart elef ewro fi ħwejjeġ sportivi minħabba nuqqas ta’ evidenza li kienet torbtu mal-każ.
Ciantar beda jiġi investigat mill-pulizija disa’ snin ilu wara li waslilha tagħrif li kien qiegħed ibigħ ħwejjeġ misruqin minn garaxx quddiem id-dar tal-ġenituri tiegħu.
Dan wara li sid ta’ ħanut f’Raħal Ġdid irrapporta li fil-lejl tal-20 ta’ Jananr tal-2009, nsterqulu bosta parti ta’ żraben, bwiz u tracksuits kollha tal-marka għall-valur ta’ għaxart elef ewro.Minkejja li l-affarijiet nstabu f’garaxx mikri mill-akkużat, fil-qorti ħareġ li l-prosekuzzjoni ftit li xejn kellha evidenza biex torbtu mas-serqa.
Fil-fatt espert forensiku xehed li ftit li xejn kien hemm evidenza tad-DNA tal-akkużat fuq ix-xena tar-reat. Espert ieħor tal-marki tas-swaba’ xehed li l-evidenza li kienet torbot lill-akkużat mal-każ kienet inkonklussiva.
Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti lliberat lill-akkużat minħabba verżjonjiet konflinġenti fosthom dwar ħwejjeġ misruqa li ngħad li nstabu fid-dar tal-akkużat.
L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Yanika Videl dehru għall-akkużat.