Raġel ta’ 40 sena mill-Pieta’ li kien akkużat b’sewqan perikoluż u kkaġuna l-mewt ta’ tfajla ta’ 15-il sena, kien illiberat minn kull akkuża wara li l-Qorti ddikjarat li l-inċident seħħ kawża ta’ nuqqas tal-vittmi stess.
L-inċident seħħ fil-21 ta’ Settembru 2013 meta Ludovick Bartolo kien qed isuq vettura tat-tip Toyota Vitz fil-Birgu u tajjar lil Sara u Luke Farrugia ta’ 15-il sena u 6 snin rispettivament, bit-tfajla titlef ħajjiha jum wara l-inċident minħabba feriti serji f’rasha u diversi partijiet oħra f’ġisimha. Min-naħa l-oħra, it-tifel sofra biss ġrieħi ħfief.
Minkejja l-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti nnutat li mkien ma jirriżulta li Bartolo kien qed isuq b’negliġenza jew sewqan perikoluż, u lanqas kien qed isuq b’veloċità eċċessiva. Il-Qorti anzi qalet li l-vittmi tal-inċident huma fit-tort għaliex qasmu t-triq b’traskuraġni u ħolqu emerġenza meta niżlu minn fuq il-bankina għal fuq il-karreġġjata.
Għalhekk, Bartolo kien illiberat minn kull akkuża. Għalih dehru l-Avukati Veronique Dalli, Franco Debono, Andrew Saliba u Amadeus Cachia.