Bijan Spasic, Serb ta’ tletin sena ma nstabx ħati li bi traskuraġni kkawża ġrieħi gravi lil diversi persuni wara li kien sfronda poġġaman ta’ stabbiliment tad-divertiment f’Paceville f’Novembru tal-2015.
Minkejja dan Spacic, li jaħdem bħala bouncer, instab ħati li pejjep ġewwa u li ma kienx liċenzjat biex jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà. B’hekk ġie ordnat iħallas multa ta’ elf u mitejn ewro fi żmien sena.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech nnutat kif l-imputat ġab saħħet ħaddieħor qabel tiegħu waqt l-inċident u b’hekk ma sabitux ħati.
F’dan l-inċident kienu weġġgħu ‘l fuq minn tmenin persuna, bil-maġġoranza tagħhom kienu weġġgħu ħafif għajr għal żewġ tfajliet li weġġgħu sejrament u erbatax oħra li kienu weġġgħu gravi. B’rabta mal-inċident kienu tressqu l-Qorti tlieta u għoxrin persuna inkluż Spacic.
