Raġel inħeles minn kull akkuża wara li ħames snin ilu kien mixli li kellu fil-pussess tiegħu kważi tmint elef pillola illegali.
Fil-Qorti kien instema’ kif meta l-ġuvni kellu tlieta u għoxrin sena, ġie Malta biex jistudja, u wara dan huwa sar refuġjat. Intqal kif tul iż-żmien huwa kellu ħabib li offrielu xogħol fejn jimporta l-karozzi mill-Olanda.
Intqal li darba minnhom l-imputat xtaq imur lura l-Libja biex jara lil ommu, u sieħbu qallu biex jieħu miegħu tliet fliexken biex jagħtihom lil huh fil-Libja.
Leljiet it-titjira tiegħu l-imputat mar Buġibba biex jiġbor il-fliexken mingħand sieħbu, liema fliexken suppost kienu mimlijin supplimenti tal-proteina.
Meta kien miexi fit-triq f’Buġibba huwa ġie mwaqqaf mill-Pulizija, li kellhom informazzjoni dwar ammont kbir ta’ droga li kienu se jiġu trasferiti. Meta l-Pulizija sabu l-pilloli fil-fliexken, li kienu ssiġillati, l-imputat ċaħad kompletament li kien jaf x’hemm fihom.
Fil-Qorti ntqal li l-imputat ma rreżistiex l-arrest, dejjem ta verżjoni tal-istorja konsistenti u kredibbli, u ma gidibx fuq sieħbu biex jeħles mit-tort.