Bessam Abdulhamid ma nstabx ħati li daħal Malta bi flus foloz, għaliex kien hu stess li nforma l-awtoritajiet bihom.
Il-każ jeħodna lura għal Mejju tal-2015, fejn mal-wasla tal-akkużat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’titjira minn Istanbul, hu stess informa lill-uffiċċjali tad-Dwana li fil-bagalja tiegħu kellu żewġ mazzi ta’ biljetti tal-flus stampati f’forma ta’ €200.
L-akkużat qal li kien xtara dawn il-flus minn Istanbul għall-prezz ta €1 kull mazz, u l-intenzjoni ta’ dan kien biex jilgħab mat-tfal. Ir-raġel tenna li hu anke kien ħalla l-business card tiegħu lill-uffiċjali biex dawn jikkuntatjawh.
Fil-Qorti, esperti xehdu li l-flus kienu jidhru li huma foloz, għax dawn kienu stampati fuq karti normali, ma kenux ta’ daqs kif suppost u anke kellhom xi dettalji differenti mill-flus normali.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-akkużat ma kellux intenzjoni li jqarraq għaliex kien hu stess li informa lill-uffiċjali bil-flus li kellu fil-bagalja.
L-Avukat Joseph Giglio deher għall-akkużat, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Yvonne Farrugia