“Se noqgħod fuq li qed jgħidu s-swieq Ewropej. Matul il-ġurnata għalqu b’mod pożittiv. L-isterlina qed tagħlaq fl-ogħla livell fl-aħħar xhur. Indikazzjonijiet ċari favur li r-Renju Unit se jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, iżda din tibqa’ spekulazzjoni.”
Kienu dawn l-ewwel reazzjonijet tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara li wieħed mill-ewwel polls wera xejra favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE.
Il-Prim Ministru qal li hu x inhu l-każ, il-verità hi li jiġri x’jiġri, kif jgħidu ‘a near death experience changes your life.’ Anke jekk ir-Renju Unit jibqa fl-UE, l-UE mhux se tibqa’ l-istess.
Il-Prim Ministru għaraf li l-UE għandha problemi u hemm pajjiżi fost it-28 stat membru li ma jemmnux fil-‘one siże fits all’.
Għada mistenni jiltaqa’ l-kabinett fl-għaxra ta’ filgħodu, ikun x’ikun ir-riżultat. Jekk ikun hemm Brexit, kull ministeru għandu dossier tal-effetti fuq id-dekasteru tiegħu. Jekk ma jkunx hemm Brexit, xorta waħda mhux ‘business as usual’. Il-ġimgħa d-dieħla nfatti jsir summit fejn ikunu diskussi riforma fi ħdan l-UE.
“Aħna preparati” stqarr il-Prim Ministru.
Saħaq li l-UE għandha problema li ma tissolviex illejla bil-vot biex ir-Renju Unit jibqa’. Hemm 28 tweġiba, qal il-Prim Ministru (daqs kemm hemm pajjiżi fl-UE). Bħala pjan fit-tul, stqarr li l-Unjoni trid tagħti iktar nifs lil membri joħorgu b’soluzzjonijiet integrati imma li jirrispettaw is-sovrenità.