Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman innota b’sodisfazzjon li ntlaħaq qbil bejn il-UĦM u l-Ministeru għas-Saħħa dwar kundizzjonijiet ugwali għall-impjegati ta’ Stewart Health Care u dawk tal-Gvern.
Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Ombudsman fakkar li n-nuqqas ta’ qbil dam aktar minn ħmistax-il xahar, u saru anke xahrejn ta’ azzjonijiet industrijali sakemm instabet soluzzjoni.
Dan affettwa wkoll l-isptar Mater Dei, hekk kif pazjenti li kellhom bżonn trattament ta’ rijabilitazzjoni, ma setgħux jiġu trasferiti għall-isptar Karin Grech, u lanqas jiġu trasferiti bejn sala u oħra.
Il-Kummissarju għas-Saħħa f’dan l-uffiċċju appella l-unions kollha biex il-pazjent ma jintużax bħala pedina biex issir pressjoni fuq il-Ministeru. Dan tal-aħħar għandu jieħu azzjoni immedjata wkoll dwar kwalunkwe problema. Huwa temm jgħid li huwa inġust u mhux ekwu li ħabba f’hekk, ibatu l-pazjenti.