X’imisshom għamlu u ma għamlux DCG u Pierre Portelli.
Daphne Caruana Galizia titqies, issa anke internazzjonalment, bħala ġurnalista investigattiva mill-aqwa. Pierre Portelli ukoll huwa meqjus, tal-inqas min-Nazzjonalisti, bħala ġurnalista tajjeb, tant li għażluh biex imexxi l-media tagħhom. Tajjeb għalhekk nanalizzaw kif dawn it-tnejn daħlu fl-attentat ta’ frame-up fil-konfont tal-Prim Ministru Joseph Muscat u familtu, billi ma għamlux dak li jmisshom għamlu bħala ġurnalisti.
L-ewwel u qabel kollox imisshom iċċekkjaw min hi Maria Efimova, biex insejħulha hekk, il-whistleblower Russa.
Kieku għamlu dan, kien jsiru jafu li fil-konfront tagħha, fil-Qorti kien hemm akkuża li vvintat storja dwar uffiċjali tal-Pulizija. M’għandhix dubju li kuntatti mal-Pulizija kellhom. Kieku għamlu dan, bħala ġurnalisti, kien mill-ewwel jidħollhom id-dubju jekk għandhomx jafdawha jew le. U bħala ġurnalisti ‘serji’, kienu jaslu għall-konklużjoni li le ma kellhomx jafdawha. Jew li tal-anqas kellhom jagħmlu aktar stħarriġ dwarha.
Dan jidher ċar li ma għamluhx. Qagħdu fuq li qaltilhom hi. Il-gidba fabbrikata tagħha, għamluha tagħhom. Ovvjament, la ddeċidew li jagħmluha tagħhom, ma nvestigaw xejn iżjed. Lanqas biss indenjaw ruħhom jiċċekkjaw jekk id-dokumenti li tathom jew uriethom, kinux dokumenti genwini jew le.
Kulma kellhom jagħmlu kien li jitolbu lil Maria Efimova fejn setgħu jikkuntattjaw lil Jaquiline Alexander, il-’firmatriċi’ tad-dokumenti. Kieku għamlu dan, Jacquiline Alexander kienet tgħidilhom ċar u tond li l-firma fuq id-dokumenti, ma kinitx tagħha. Kienet waħda falsifkata. Kif qalet Jacquiline Alexander innifisha bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.
Għaliex ma għamlu xejn minn dan?
Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija, irridu niftakru li konna bil-mod il-mod, resqin lejn elezzjoni ġenerali. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kienu juru ċar li l-Partit Nazzjonalista kien destinat għal telfa akbar minn dik tal-2013. Bdew ifittxu mod kif idawwru r-rotta. U ħasbu li Maria Efimova ipprovdiethom bix-xoqqa f’moxtha. Tant li Simon Busuttil, dak iż-żmien kap tal-Partit Nazzjonalista, mill-ewwel ħataf l-okkażjoni u sejjaħ in-nies fit-toroq.
Fi ftit kliem, ma kinux interessati, fil-verità. Ġew jaqgħu u jqumu mill-verità. Ġew jaqgħu u jqumu mill-ħsara lill-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ġew jaqgħu u jqumu mill-ħsara lil pajjiżna.
Dan mhux ġurnalizmu serju.