Tnediet il-kampanja Step up for Parkinson’s b’serje ta’ attivitajiet sportivi matul ix-xahar t’April, li huwa ddedikat għal persuni li jbatu bil-kundizzjoni tal-parkinson’s.
L-attivitajiet għandhom l-għan li jiġbru fondi għall-Fondazzjoni Together for Parkinson’s, biex pazjenti b’din il-kundizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu jirċievu t-trattamenti tagħhom bla ħlas.
ONE News tkellem ma’ Adrian Casha, li huwa manager ta’ din il-kampanja u hu nnifsu jbati minn din il-kundizzjoni.
Casha tenna, “Mhux faċli toħroġ pubblikament. Domt sentejn, sentejn u nofs biex aċċettajt il-kundizzjoni. Ħafna ansejtà, nuqqas ta’ rqad però llum il-ġurnata nħossni ħieles litteralment, inħossni kburi li rnexxieli noħroġ fil-pubbliku ngħid li għandi din il-kundizzjoni sabiex nista’ nkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor u ngħin lil ħaddieħor permezz tal-involviment tiegħi bħala project manager ta’ Step Up for Parkinson’s.”
Adrian kompla jispjega kif mhux kull ġurnata hija ward u żahar però qal li l-moħħ huwa l-muftieħ biex tgħix il-ħajja li tixtieq u tkun kuntent.
Qal, “Kollox ġej mill-moħħ, il-moħħ għandu l-muftieħ, iċ-ċavetta tad-deċiżjoni tiegħek li inti tista’ tgħix ħajja normali u fil-fatt vera li filgħodu jkun hemm mumenti diffiċli biex sakemm il-pilloli jibdew jaħdmu però iktar mill-bżonn tal-pilloli bniedem għandu bżonn il-positive mindset biex ikun jista’ jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu u jaħseb b’mod pożittiv sabiex ikun jista’ jgħix ħajja normali.”
Huwa aċċenna dwar l-importanza tal-attivitajiet li se jsiru dan ix-xahar b’risq l-elfejn persuna f’pajjiżna li jbatu minn din il-kundizzjoni.
Hawn saħaq, “Ċertament ħa nagħmlu awareness favur l-isport kemm huwa importanti l-eċerċizzju; kemm huwa importanti mhux biss għal min ikollu l-parkinson’s anki min m’għandux għax l-isport minbarra li jagħmlek tħossok aħjar fiżikament imma jagħmlek tħossok tajjeb mentalment.”
Tkellimna wkoll ma’ Alice Peplow, li hija s-Segretarju tal-Fondazzjoni Together for Parkinson’s li esperjenzat mill-qrib xi tfisser il-Parkinson’s għaliex tilfet lil żewġha għal din il-marda.
Hija appellat biex kull min għandu l-Parkinson’s jingħaqad mal-Fondazzjoni ħalli ħadd ma jimxi din it-triq diffiċli waħdu.
Peplow tenniet,“Aħna għaqda volontarja u l-unika fondi li nistgħu niġbru huma b’dan it-tip u b’tal-membership u minn hawn nappella jekk hemm xi ħadd ibati mill-parkinson’s jew il-familjari tiegħu jekk jogħġbok ikkuntatjawna, idħlu fuq il-website tagħna siru membru magħna, aħna qegħdin hemm biex ma nħallukomx tgħixu il-parkinson’s waħedkom.”
Preżenti għall-konferenza li rat it-tnedija ta’ dawn l-attivitajiet, kien hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li ħeġġet lil dawk kollha li jipprattikaw l-isport biex jgħinu lil din il-Fondazzjoni u jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ dawn in-nies.