It-tfal jeħtieġu l-attenzjoni taż-żewġ ġenituri, u l-appell tal-awtoritajiet konċernati fi żmien il-pandemija tal-Coronavirus għal koppji li huma separati, huwa li d-dritt tal-aċċess għat-tfal jibqa’ hemmhekk.
Madanakollu, f’ċirkostanzi fejn it-tfal jgħixu ma’ ġenitur wieħed, bl-aċċess għat-teknoloġija u modi differenti ta’ komunikazzjoni, it-tfal huma mħeġġa jagħmlu kuntatt mat-tieni ġenitur, b’mezzi online.
Hekk qed jagħmel Neil Attard, ġenitur separat li ilu ma jara lil bintu Kailey ta’ 11-il sena għal aktar minn xahar.
Imma jistqarr li ħalla d-differenzi ta’ bejnu u omm it-tifla fil-ġenb, u flimkien ħadu deċiżjoni fl-aħjar interess ta’ binthom.
Neil spjega: “Ifhimni mhux faċli però ħadna deċiżjoni flimkien ma’ ommha, qaltli x’taħseb jekk inħalliha d-dar ħabba dil-kwistjoni tal-Coronavirus, għidtilha mela mill-ewwel qbilt magħha, għidtilha għall-ġid tagħha u ta’ kulħadd u nkunu qed nobdu l-istruzzjonijiet li qed jagħti l-Gvern u d-Dipartiment tas-Saħħa għall-ġid tagħha.”
Neil kien jara lil bintu erba’ darbiet fil-ġimgħa. B’differenza għal qabel, meta kienu jmorru saċ-ċinema jew għal xi mixja fil-kampanja, illum qed jiltaqgħu fuq Skype.
Huwa sostna: “Hija baqgħet għaddejja bl-iskola allura tgħidli x’għamlet xogħol, educational online qed jagħtuhom xogħol online li hija xi ħaġa tajjeb ħafna għat-tfal li jibqgħu għaddejjin bl-istudji tagħhom u hi wkoll drat din-normalità taħdem mid-dar, l-iskola u ġieli tgħidli toqgħod issajjar u x’kielet illum.”
Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli nnotat li bħalissa l-appelli huma biex ma jsirx ħruġ bla bżonn, imma qalet li bil-mezzi ta’ komunikazzjoni online, jista’ jintlaħaq kompromess bħala ġenituri maturi biex ma jiċċaħħadx l-aċċess għat-tfal maż-żewġ ġenituri.
Hija spejgat: “Importanti li min miegħu jkunu t-tfal l-aktar ma jċaħħadx lit-tfal mill-attenzjoni tal-ġenitur l-ieħor li permezz ta’ Skype, permezz ta’ telefonati, għandu jżomm il-ħinijiet tal-aċċess jew inkella jilħqu kompromess bejniethom biex jaraw meta jkun l-aħjar li jistgħu jagħmluhom.”
Ma’ dan l-appell ingħaqad Neil innifsu, li saħaq biex it-tfal ma jispiċċawx ballun u jħossu li jridu jagħżlu bejn parti jew oħra.
Neil sostna: “Inħeġġeġ lill-parents mifrudin li ma nġibux skuża bit-tfal jew nagħmluhom ballun minħabba dil-ħaġa. Nagħmlu daqsxejn sagrifiċċju. Ftit sagrifiċċju minn kulħadd u jekk kulħadd jobdi l-istruzzjonijiet li qed jagħtina d-Dipartiment tas-Saħħa u l-awtoritajiet, nemmen li dil-ħaġa ma ddumx biex tgħaddi.”