Daniel Muka, l-Albaniż li hu meqjus mill-pulizija bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f’dar lussuża f’tas-Sliema, hu maħsbu li kien taħt l-effett tad-droga meta allegatament spara u qatel lil Dr. Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski.
Ġimgħa ilu Daniel Muka ġie arrestat f’dar abandunata fil-Furjana u jumejn wara tressaq il-Qorti akkużat bi qtil doppju u b’serq ta’ deheb mid-dar li tinsab fi Triq Locker, kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl.
Sorsi qalu lil ONE News li mhux eskluż li Muka kien taħt l-effett tad-droga f’dawk il-jiem li seħħ il-qtil.
Tliet snin ilu, Muka kien instab fil-pussess tad-droga.
F’inqas minn ġimagħtejn wara li seħħ il-qtil, il-pulizija rnexxielha ssolvi l-qtil doppju f’Tas-Sliema.
Żewġ persuni ġew arrestati f’Malta u ieħor ġie arrestat fi Spanja wara li telaq mill-pajjiż.
Mill-arrest ta’ Daniel Muka, f’dar abbandunata meqjusa bħala bejta tal-kriminali, il-pulizija rnexxielha tasal għal Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq.
Dragomanski nstab mistoħbi f’lukanda fil-Gżira fejn prova jaħrab.
Huwa kien joqgħod f’tas-Sliema.
Dan tressaq il-Qorti u affaċċja l-istess akkużi ta’ Muka.
Imbagħad il-Ħadd waranofsinhar ġie arrestat fi Spanja d-Daniż Jesper Kristiansen.
Kristiansen ħarab minn Malta b’titjira lejn Barċellona nhar il-Ġimgħa filgħodu.
F’ħidma konġunta mal-awtoritajiet Spanjoli, Kristiansen ġie arrestat il-Ħadd waranofsinhar f’lukanda f’Cádiz.
Issa huwa mistenni li Kristiansen jibda jaffaċċja proċeduri f’Qorti Spanjola sabiex imbagħad is-suspettat fil-qtil tal-koppja jiġi estradit lejn Malta.
Ladarba jerġa’ jirritorna f’pajjiżna huwa mistenni jitressaq il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju li seħħ it-Tliet bil-lejl tmintax t’Awwissu.