L-attività li saret il-Ħamis filgħaxija b’turija ta’ appoġġ għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saret fi sfond ta’ appelli mqanqla fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista. Fost dawk li ħeġġew lill-attivisti jattendu u juru s-sostenn tagħhom lil Delia kien hemm il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej Dione Borg.
Aktar tard tul il-jum kompla miegħu, il-kandidat Frank Psaila li b’ton aktar aggressiv u indirizzat lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ħadd minnhom ma resaq lejn id-Dar Ċentrali, stqarr li fost in-nazzjonalisti hemm rabja għal dawk fil-Partit li ma jridux jaċċettaw lil Delia.
Waqt li kompla jħeġġeġ lill-partitarji Nazzjonalisti biex jattendu għar-rally, qal li Delia għandu d-dritt imexxi l-Partit Nazzjonalista.
Madankollu tenna li hemm nies fil-Partit Nazzjonalista li mhux iħalluh imexxi.
Fost divesi appelli għall-għaqda fil-partit, qal li dan-nies mhux iħallu lil Delia jmexxi lill-partit f’serenità.
Huwa temm iwissi lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u sostna li mhux aċċettabbli li joħorġu l-mannara u s-sejf minn wara lil Delia.
Intant b’reazzjoni għall-attività tal-Ħamis, il-fazzjoni ta’ Busuttil ħarġet tiżżuffjetta bl-attendenza fi kliemhom fqira li attendiet biex tagħti l-appoġġ tagħha lil Delia.