Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Ewropej tal-Unjoni Ewropea li ltaqgħu permezz ta’ videoconference.
Fid-diskors tiegħu, Dr Zrinzo Azzopardi semma żewġ eżempji ewlenin meta pajjiżi li jaġixxu unilateralment ikunu qed imorru kontra l-valuri tal-Unjoni Ewropea u kontra l-prinċipji tas-solidarjetà.
Semma li fil-problema tal-immigrazzjoni, l-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tirriforma d-Direttiva ta’ Dublin dwar l-immigrazzjoni u lanqas ma rnexxielha twettaq il-wegħdiet ta’ ri-allokazzjoni ta’ immigranti. Bis-sitwazzjoni mwiegħra li qed tkompli tmur għall-agħar fil-Libja, il-pajjiżi fuq il-fruntiera tan-naħa ta’ isfel tal-Ewropa qed ikollhom iġorru l-piż kollu ta’ din is-sitwazzjoni. Dan mhux aċċettabbli, filwaqt li l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri tal-area tax-Schengen hu essenzjali.
Dr Zrinzo Azzopardi saħaq ukoll li għad fadal diversi ostakli biex jitħaddem b’mod sħiħ is-suq waħdieni Ewropew. Għadhom jeżistu barrieri għall-moviment ħieles ta’ prodotti meta ċerti pajjiżi membri ħadu deċiżjonijiet unilaterali mingħajr ma taw kas iċ-ċirkustanzi ta’ pajjiżi oħrajn, partikolarment dawk li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant hu importanti għall-Unjoni li tinċentiva u tkabbar il-produzzjoni interna ta’ prodotti essenzjali.
Fl-ambitu ta’ kif l-Unjoni Ewropea trid toħroġ mill-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, Dr Zrinzo Azzopardi tkellem dwar kif il-Gvern Malti ħadem biex jassigura s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi ħalli jiġu salvati l-ħajjiet. Fl-istess waqt introduċa miżuri biex irażżnu kemm jista’ jkun il-ħsara lill-ekonomija billi, fost l-oħrajn, ma jintilfux impjiegi.
Saħaq li l-qawmien mill-ġdid tal-Ewropa jrid ikun mibni fuq is-solidarjetà, drittijiet fundamentali, valuri u sens qawwi ta’ tqassim ta’ responsabbiltajiet. Malta għamlet proposti konkreti biex tinħoloq stabbiltà fil-Libja filwaqt li s-solidarjetà Ewropea trid twassal biex il-piż tal-immigrazzjoni jinqasam bejn kulħadd u sseħħ riforma fundamentali biex tinbena sistema Ewropea li tirriforma s-sistema tal-ażil.
Dr Zrinzo Azzopardi qal li l-pajjiżi Ewropej iridu joħorġu mis-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija bi strateġija bbażata fuq ix-xjenza, u dan isir b’mod gradwali u koordinat ħalli ma jintilfux aktar ħajjiet. Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jaqsmu l-esperjenza tagħhom biex jitgħallmu minn xulxin dwar l-effetti tal-miżuri li jkunu qed iwettqu.
Mill-aspett ekonomiku, Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li waqt li jibqgħu b’saqajhom mal-art skont ir-realtajiet li se tħalli warajha din il-kriżi, il-pajjiżi Ewropej ma jridux ixekklu l-vantaġġ kompetittiv li għandha l-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha ma’ pajjiżi barra l-Unjoni. Is-segretarju parlamentari enfasizza li, fuq kollox, kull miżuri adottati fl-Ewropa ma jridux ikunu miżuri ta’ awsterità imma miżuri li jinċentivaw it-tkabbir ekonomiku.