Riżultati minn stħarriġ ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, b’kollaborazzjoni mal-BOV u d-Deloitte, dwar is-settur tal-ospitalità, ikkonfermaw is-suċċessi u r-rekords turistiċi rreġistrati s-sena li għaddiet minn pajjiżna.
Il-Hospitality Performance Survey janalizza kull tliet xhur il-prestazzjoni tal-lukandi f’Malta, waqt li jagħti ħarsa lejn ix-xejriet ewlenin fl-industrija fl-Ewropa.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, preżenti għal seminar tal-MHRA fejn tħabbru r-riżultati, ħeġġeġ lil lukandieri u operaturi turistiċi oħrajn biex jinvestu aktar fis-sostenibilità ambjentali, f’sistemi msejsin fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u fuq servizzi tal-ogħla kwalità, biex jiżguraw futur aktar b’saħħtu għall-industrija tat-turiżmu f’Malta.
L-istħarriġ tal-MHRA indika li d-dħul medju għal kull kamra tal-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel żdied b’7% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, waqt li wkoll bassar prestazzjoni tajba għall-ewwel nofs ta’ din is-sena l-ġdida, hekk kif l-bookings bil-quddiem qed jaqbeż il-livelli rrapportati fl-istess perjodu sena ilu.
Ir-riżultati jibnu fuq ir-rekords turistiċi fl-2024, li tħabbru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, il-ġimgħa li għaddiet.
Ġie kkonfermat ukoll li n-nefqa ta’ kull turist, fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, żdiedet b’5.5%, indikazzjoni ċara li x-xhur li qabel kienu jitqiesu bħala kwieti qed ikomplu jkunu iżjed impenjati.
In-nefqa totali tat-turisti fl-2024 żdiedet bi 23.1% u telgħet għal €3.3 biljun.

Id-Deputat Prim Ministru, Ian Borg, fakkar li r-riżultati tajbin tal-2024 m’għandhomx iwasslu għall-kompjaċenza u nuqqas t’impenn, iżda nsista li, flimkien, nistgħu nibnu fuq dawn is-sisien inkoraġġanti lejn turiżmu ta’ kwalità ogħla.
“Naraw is-sostenibilità f’dak kollu li nagħmlu, naraw li, dak li nagħmlu llum, nistgħu nkomplu nagħmluh fis-snin li ġejjin, għax dan hu settur li jiekol minnu kulħadd, hu settur kruċjali għal negozji Maltin u Għawdxin u anke għall-poplu Maltin inġenerali.”
Ian Borg, Deputat Prim Ministru

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA, Tony Zahra, laqa’ b’sodisfazzjon dawn ir-riżultati u enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-eċċellenza tas-servizz, l-effiċjenza u l-produttività, b’fokus aktar b’saħħtu biex jiġu attirati turisti b’infiq ogħla.
Enfasizza l-importanza li jiġu adottati strateġiji sostenibbli biex tingħata spinta lill-kompetittività ta’ Malta u jiġi żgurat tkabbir fit-tul, inkluż bl-investimenti fl-infrastruttura u l-ħaddiema, ħalli jagħmlu minn Malta destinazzjoni premium.
“Dawn il-figuri kienu tajbin ħafna. Fil-fatt ir-riżultati huma aħjar mis-sena l-oħra u, allura, huma sodisfaċenti ħafna jidher li n-numru ta’ turisti li ġew huwa akbar u l-infiq hu wkoll akbar. Nista’ ngħid li s-sena l-oħra t-turiżmu ġġenera €3.6 biljun … mhux miljun, biljun.”
Tony Zahra, President, MHRA