“Hawn min qed jagħmel abort għax m’għandux il-faċilità juża pillola ta’ kontraċezzjoni b’emerġenza.”
Dan qalu l-Professur Anthony Serracino Inglott li jmexxi l-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, meta tkellimna dwar il-ħsieb li jkun hemm l-introduzzjoni tal-morning after pill f’pajjiżna. Stqarr li t-tip ta’ morning after pill approvata fl-Ewropa tissodisfa kriterji ta’ sigurtà, effikaċja u kwalità mitluba fil-qasam mediku.
Spjega li l-morning after pill twaqqaf l-ovulazzjoni u l-fertilizazzjoni, imma m’għandha ebda effett fuq l-impjantazzjoni f’ġuf il-mara. Għalhekk, mhix pillola abortiva.
Aktar minn hekk, spjega li l-prodott diġa’ jinsab hawn Malta u diġa’ qed ikun amministrat bl-intenzjoni li jservi ta’ morning after pill. Dawn huma l-istess pilloli li jintużaw f’każijiet bħal fil-kura ta’ fibromi. Mara li tkun trid l-istess effett tieħu doża ta’ ormoni disponibbli fis-suq Malti, iżda tieħu ammont ferm ikbar.
Dawn il-proċess jiswa’ lill-mara madwar €214, spejga l-Professur. Minħabba l-prezz, ħafna huma dawk li jagħżlu metodu ieħor, bl-istess effett tal-morning after pill. Jieħdu l-pilloli li normalment jittieħdu darba kuljum minn dawk li jkunu jixtiequ metodu ta’ kontraċezzjoni ormonali. Iżda minflok id-doża normali ta’ pillola kuljum, jieħdu erba’ pilloli filgħaxija u erba’ oħra filgħodu. Fi kliem il-professur, din hija ‘prassi normali’. Fi kliemu wkoll, hemm aktar ċans li dawn it-tip ta’ metodi jkunu abortivi, għaliex iwaqqfu l-proċess ta’ implantation.
Il-Professur Serracino Inglott osserva li anke f’pajjiżi fejn l-abort huwa legali, il-morning after pill ma tissejjaħx pillola abortiva, avolja m’hemm xejn illegali. Minflok, tibqa’ tissejjaħ pillola ta’ kontraċezzjoni, għalkemm ta’ emerġenza.