Hekk kif ħarġet l-aħbar li Jason Azzopardi jrid jitfa’ l-ħabs lill-familja tal-Ministru Clint Camilleri, inkluż il-mara tiegħu, wara li talab li ssir inkjesta fuq skont hu racket marbuta mal-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr, il-PM Robert Abela kkumenta dwar dan fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, fejn saħaq li “l-fazzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista tramite Dr. Jason Azzopardi trid tixħet omm ta’ żewġt itfal żgħar il-ħabs, għax inzertat mara ta’ Ministru.”
“Jaħlef falz li għamlet xogħol privat waqt il-ħin tax-xogħol ma’ Awtorità tal-Gvern. Ta’ giddieb li hu, ma jgħidx li meta għamlet dan ix-xogħol, dan jew kien barra mis-siegħat tax-xogħol tagħha, jew ħadet il-leave mil-leave statutorju tagħha, u kienet awtorizzata mis-superjur tagħha” żied jgħid il-Prim Ministru.
Dr. Abela qal kif il-linja issa nqabżet kompletament u mhux ser jippermetti lil ebda Partit Nazzjonalista u min jikkonfoffa miegħu li jabbużaw aktar mill-Inkjesti Maġisterjali u jgħaddu nies mil-kalvarju ta’ proċeduri ġudizzjarji għalxejn.
“Għax immexxi mis-sewwa, la qatt bżajt, u lanqas qatt ma se nibża’ mill-forzi tad-dlam. U jekk dawn il-forzi jaħsbu li se jkissru Ministru u lill-familtu inġustament, jafu li jridu jgħaddu minn fuqi l-ewwel, u minn dik il-battalja, jafu diġà min se jirbaħ u min se jitlef. Tlabt lill-Ministru għall-Ġustizzja biex jiffinalizza r-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali minnufih ħalli dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem.” Temm jgħid il-Prim Ministru.
Aqra aktar: https://one.com.mt/azzopardi-jrid-jitfa-l-habs-il-familja-ta-camilleri-il-ministru-jichad-kategorikament/