Il-Malti jgħid li m’hemmx warda li hija bla xewk, ifisser li kull ħaġa jista’ jkollha l-aspett mhux daqshekk pożittiv tagħha, minkejja li l-opportuntà taf tidher li hija sabiħa, sabiħa bħal warda.
Dan huwa proverbju li jidħol kexxun fil-każ ta’ Adrian Delia.
Miskin jipprova. Jipprova, imma ma tistax tiġih waħda li hi waħda tajba.
Biżżejjed insemmu żewġ każijiet. Insemmu r-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt tal-Electrogas. Insemmu wkoll l-istorja tat-Times of Malta li qalet li għaddejjha investigazzjoni fuqu.
Biżżejjed wieħed jara kif dawk li qegħdin suppost madwaru ilhom jippruvaw itajjrulu rasu sa mill-ewwel darba li ddeċieda li jikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dawk fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista, partikolarment nies bħal Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Karol Aquilina u l-‘bella compania’ qed jarawh bħala theddida jew il-kelma aħjar bħala liability.
Delia ra opportunità fl-allegazzjonijiet li saru kemm qabel l-elezzjoni ġenerali u kemm wara dwar il-kumpanija 17 Black li fuqha ngħataw it-tweġibiet li kellhom jingħataw. Iżda Delia ried li l-Prim Ministru jieħu azzjoni kontra n-nies li skontu huma nvoluti, u jitkeċċew, mingħajr ma jistenna l-investigazzjonijiet li għaddejjin.
Iżda l-opportunità li ra li permezz tagħha mingħalih seta’ jagħmel xi inroads spiċċat biex fil-verità qlietu f’żejtu stess, għax bl-istess kejl li uża għal ħaddieħor, Delia għandu jirrizenja għax fuqu għaddejjha wkoll investigazzjoni dwar flus li allegatament idaħħlu minn propjetà f’Londra użata għall-prostituzzjoni.
M’għandiex xi ngħidu li din serviet ta’ opportunità wkoll għal dawk kollha li jriduh barra mill-Partit Nazzjonalista sabiex ikomplu jżidu l-pressjoni fuqu, tant li f’konferenza tal-aħbarijiet din il-ġimgħa, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ma ddefendiex lill-Kap tiegħu stess.
Anke fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt li ngħata lil Electrogas, Delia għaġġel ħafna għax mingħalih li l-Awditur kien se jagħti xi kundanna bħal ma ta l-Awditur fuq il-każ tal-BWSC, iżda nesa, li la hu u lanqas il-Partit tiegħu m’għandhom l-ebda farka ta’ kredibilità fuq is-settur tal-enerġija.
Jgħid x’jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Awditur għamilha ċar li l-proċess li wassal għall-għażla tal-Electrogas kien wieħed ġust u l-għażla ta’ dan il-konzorzju kien l-aħjar għażla għall-pajjiż.
Jekk irid parir ta’ kif ikunu kundanni mill-Awditur, għalkemm mhux parti mill-grupp tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jistaqsi lil Jason Azzopardi, li għandu ħemel kundanni tal-Awditur.
Donnu li Delia se jibqa’ jitniggeż bix-xewk li fil-bidu jaf jidher biss bħala ward sabiħ.