It-tim kontra t-tniġġis fil-baħar ta’ Transport Malta, flimkien mal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija ilhom minn dalgħodu fuq is-sit u qed iwettqu moniteraġġ kontinwu tal-vapur Hephaestus, tanker ta’ 60 metru rreġistrat it-Togo, li nkalja dalgħodu fil-Qawra, minħabba l-maltemp.
L-ekwipaġġ jinsab fuq l-art u ‘l bogħod mill-periklu. It-tanker ma kellux merkanzija abbord u m’hemmx biża’ ta’ xi tniġġis. Il-bastiment għandu madwar 4 metri kubi ta’ fjuwil abbord iżda m’hemmx periklu li jinfirex. Uffiċjali mill-ERA qegħdin jissorveljaw is-sit ukoll biex jevitaw li ssir xi ħsara ambjentali.
L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw l-inċident u qegħdin ifasslu pjan biex jirkupraw il-vapur wara li l-kundizzjoni tat-temp titjieb.