Maratona ġbir ta’ fondi, li l-PN jagħmel kull sena biex jiċċelebra għeluq snin l-eks Kap, eks Prim Ministru u eks ¬President, Eddie Fenech Adami, kompliet tikxef kemm il-partit fl-Oppożizzjoni huwa magħluq fih innifsu, u mhuwa lest jagħti spazju lil ħadd minn fost dawk li ħadmu ma’ Gvern Laburista.
Kollox kellu l-bidu tiegħu meta Richard Muscat, eks Segretarju Parlamentari u xandar tal-partit fis-snin tmenin, ra intervista li kienet qed issir ma’ Lou Bondi waqt din il-maratona biex jitkellem dwar ix-xandir fi żmien Eddie Fenech Adami.
Muscat ħassu tant offiż, li kien pront kiteb fuq il-profil ta’ Facebook tiegħu: “ħassejtni insultat” jara lil Bondi jitkellem dwar ix-xandir, minkejja s-sagrifiċċji li Muscat qal li għamel biex il-partit ikun jista’ jxandar minn Sqallija.
Għadd ta’ partitarji Nazzjonalisti komplew ma’ Muscat u żiedu fid-doża tal-attakki billi rreferew għal Bondi bħala “lagħqi u bla sinsla” u li “biegħ il-PN għall-flus.” Saħansitra kien hemm min għajjar lill-preżentatur “tan-nejk min ġabu.” Ġurnalista veteran ieħor tal-PN, Mario Schiavone, kiteb “Min jinsa l-passat jerġa’ jġarrbu.”
Lou Bondi kien emigrant l-Awstralja, u ftit wara l-elezzjoni tal-1987 ġie lura Malta biex jieħu f’idejh it-tmexxija tax-xandir tal-PN, dak iż-żmien radju 101. Kien għamel perjodu wkoll bħala Direttur tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-PN u għamel żmien jippreżenta programmi fuq TVM, liema programmi kienu kollha jagħtu palata lill-partit illi tiegħu kien partitarju. Wara l-2013, Bondi waqaf mill-programmi televiżivi u ħadem mal-Gvern fuq xi proġetti bħala parti mill-Kumitat Festi Nazzjonali.
Il-fatt biss illi persuna taħdem ma’ Gvern Laburista ma jkunx aktar aċċettat mill-PN. Tant illi din ix-xejra tidher ukoll fejn jidħlu uffiċjali għolja tal-amministrazzjoni tal-pajjiż illi -mhumiex tal-istess fehma politika tal-Gvern tal-ġurnata u spiċċaw fil-mira ta’ attakki.
Saħansitra kien hemm individwi li saret kampanja kontra tagħhom sakemm tressqu l-Qorti akkużati b’reati serji minkejja illi qatt ma kienu direttament investigati.
Dak li qed jiġri llum diġà ġara fl-1987 u fl-1998, meta l-PN daħal lura fil-Gvern u neħħa lil kull min b’xi mod kellu karigi amministrattivi fil-pajjiż u li ma kinux tal-istess fehma politika tiegħu. Iżda din id-darba, jidher illi qed imorru oltre u qed jibagħtu diġà messaġġi fil-wiċċ illi min, b’xi mod, ħadem ma’ Gvern Laburista, ma hemmx postu fil-PN.