L-Għalliema tal-pjanu Rita Micallef, li fl-aħħar jiem kienet akkużata minn dsatax-il għalliem tal-mużika li ffrodat lilhom u lill-istudenti tagħhom li poġġew għall-eżamijiet tal-mużika li m’humiex rikonoxxuti f’Malta jew internazzjonalment, ċaħdet bl-iżjed mod kategoriku l-allegazzjonijiet miġjuba li b’xi mod iffrodathom jew ingannathom.
F’kontro-protest ġudizzjarju, imressaq mill-Avukat Chris Cilia, Micallef saħqet li l-istudenti tagħha kienu jafu perfettament li l-‘Leicester School of Music’ (LSM) ma kinitx akkreditata u li hi qatt ma ħbiet dan il-fatt għal kuntrarju ta’ dak irrappurtat mill-media. Tant hu hekk, li anka fiċ-ċerimonja annwali, li tinżamm biex jitqassmu ċ-ċertifikati lill-istudenti kollha li jkunu għaddew mill-eżamijiet, id-diriġent ewlieni tal-LSM kien pubblikament għarraf lill-istudenti dwar kif kien sejjer il-proċess t’ akkreditazzjoni u kien dejjem jassigurhom li l-proċess kien miexi tajjeb.
Fakkret kif l-iskola kienet ilha attiva u rrappreżentata fis-suq lokali sa mis-sena 1964 u li fiż-żmien meta kienet maħtura rappreżentanta lokali tal-iskola, fl-2008, iċ-ċertifikati maħruġa mill-LSM kienu għadhom rikonoxxuti lokalment, anke għall-finijiet ta’ dħul fl-Università ta’ Malta.
Dan filwaqt li meta fl-2007 iċ-Ċentru Malti għar-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u Informazzjoni għarraf lil waħda mill-istudenti tagħha li d-Diploma mogħtija mil-LSM ma setgħetx tkun rikonxxuta uffiċjalment minħabba n-nuqqas t’akkreditazzjoni, minnufih ikkomunikat mad-diriġent ewlieni ta’ LSM Raymond Bodell biex tara x’ kien ġara.
Bodell kien id-diriġent tal-LSM li kellu jieħu ħsieb il-proċess t’akkreditazzjoni fir-Renju Unit. Lura fl-2013, l-għalliema kienet mgħarrfa li dan il-proċess kien magħluq b’ suċċess u saħansitra organizzat ċerimonja, li sfumat fix-xejn meta ma ntlaħaqx ftehim.
L-avukat ta’ Micallef fisser kif kien hawn li hi temmet ir-relazzjoni tagħha mal-LSM u fittxet rotta alternattiva għar-rikonoxximent lokali tal-eżamijiet tal-istudenti tagħha. Iżda l-isforzi tagħha ma waslu mkien.
L-għalliema għamlitha ċara li l-flus kollha li rċiviet mingħand l-istudenti għall-eżamijiet għaddiethom kollha lill-Università u għalhekk m’għamlet l-ebda gwadann finanzjarju minn fuqhom.
L-Avukat Cilia ddeskriva l-istorja ppublikata bħala strateġija biex tagħmel ħsara l-integrità u l-isem tajjeb tal-għalliema u għamilha ċara li l-istudenti għandhom ifittxu lill-Leicester School of Music, u, jew, lill-Raymond Bodell għad-danni li qed jgħidu li sofrew.