L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, qal li m’hemmx għalfejn jittieħdu passi ulterjuri dwar każ ta’ rapport li tressaq quddiem il-Kumitat għall-Ħarsien tal-Istandards, dwar reklamar fuq il-gazzetta KullĦadd.
Waqt dan il-kumitat, l-Ispeaker spjega b’mod dettaljat kif kien wasal għad-deċizzjoni tiegħu li jivvota kontra r-rapport tal-Kummissarju Hyzler, fejn mhux biss irrefera għal konsiderazzjoni legali imma wkoll għal esperjenzi f’demokraziji parlamentari oħrajn.
F’seduti preċedenti tal-Kumitat, l-iSpeaker tal-Kamra kien anke stieden lill-membri tal-Kumitat biex ikomplu jiddiskutu dan ir-rapport. Madanakollu, ir-rapprezenanti tal-Oppożizzjoni riedu jtemmu d-diskussjoni u jmorru dritt għall-vot.
Preżenti f’isem il-Gvern kien hemm il-Ministru Jonathan Attard u l-Whip tal-Gvern, Andy Ellul, li min-naħa tagħhom dejjem insistew li ma kinux qed jaqblu mal-konklużjoni li kien wasal għaliha l-eks Kummissarju għall-Istandards.