Fl-istorja ta’ pajjiżna minn seklu għal seklu l-għażla quddiem il-komunità Maltija dejjem kienet bejn li l-poplu jara kif se jibni ħajja nazzjonali għal rasu jew jingħaqad ma’ entità akbar minnu. Fir-realtà, bħala kunċett m’hemmx differenza kbira bejn is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-Integration. Dan sostnih l-ex Prim Ministru Alfred Sant waqt diskussjoni biex tfakkar Jum il-Ħelsien. Dr Sant saħaq li llum l-awtonomija ta’ Malta hija serjament kompromessa, u l-biċċa l-kbira tal-Maltin jidhru kuntenti b’dan. Minkejja l-ħafna paroli, ma jidhirx li llum jeżisti f’Malta xi moviment favur il-ħelsien nazzjonali.
Il-panel ta’ kelliema fid-diskussjoni kien jinkludi wkoll lill-istoriċi Mark Camilleri u l-Prof. Henry Frendo. L-attività kienet organizzata fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien, u kienet imsemmija: ‘Mill-Integration għal Sħubija fl-UE : Katina jew Kontradizzjoni?” Is-Sur Camilleri saħaq li l-proġetti tal-Integration u tal-Indipendenza li kellu Mintoff kienu Pjan A u Pjan B tal-istess skema. Meta falla l-ewwel pjan, skatta mill-ewwel it-tieni wieħed. Min-naħa l-oħra, il-Prof. Frendo sostna li l-iskop ewlieni ta’ Mintoff kien li jiggarantixxi għajxien xieraq lill-Maltin, u għal dan kien lest li jagħmel kulma jiġi għal idejh.
Persuna mill-udjenza pproponiet li kemm l-Integration kif ukoll l-Indipendenza aspiraw għall-istess ħaġa: li Malta ma tibqax dipendenti fuq il-Gran Brittanja. Persuna oħra sostniet li Mintoff qatt ma kellu fi ħsiebu li l-Integration isseħħ; dak li dejjem ried kienet l-Indipendenza. Id-diskussjoni kienet organizzata mid-Dar tal-Pubblikazzjoni SKS u tmexxiet minn Dr Mark Montebello.