Jekk l-ammont ta’ kirja li ġie ddikjarat fir-reġistrazzjoni tal-kuntratt magħha jitnaqqas tul dan il-perjodu temporanju, m’hemmx bżonn li tinbidel ir-reġistrazzjoni tal-kuntratt.
Dan intqal mill-Awtorità tad-Djar fi stqarrija, fejn qalet li matul dawn l-aħħar jiem irċeviet numru ta’ talbiet minn sidien li jixtiequ jnaqqsu l-kirja lill-inkwilin matul dan il-perjodu diffiċli minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Dwar dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar is-Sur Leonid McKay qal li fejn hemm arraġamenti temporanji, l-Awtorità m’għandhiex għalfejn tiġi notifikata. Żied jgħid li l-għan tal-Awtorità tad-Djar bħala regolatur huwa li jiffaċilita r-relazzjoni ben is-sid u l-inkwilin sabiex l-inkwilin ikollu dritt ta’ akkomondazzjoni xierqa, is-sid ikollu dħul ġust għall-investiment tiegħu.
Fl-istqarrija, l-Awtorità tad-Djar qalet li r-reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ kirjiet ġodda jistgħu jiġu rreġistrati fuq rentregistration.gov.mt. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel l-Awtorità tad-Djar fuq 22991010 jew permezz tal-email fuq rentregistration.ha@ha.gov.mt.