Permezz ta’ apparat ġdid li investa fih dan il-Gvern, l-isptar Mater Dei issa se jkun jista’ joffri serħan il-moħħ lil nisa li jkollhom suspett li għandhom kanċer tas-sider permezz ta’ vacuum assisted breast biopsy. Dan hekk kif dawn il-pazjenti issa se tkun tista’ ssirilhom dijanjosi mingħajr ma ssirilhom operazzjoni.
Għall-ewwel darba dawn il-proċeduri se jkunu qed isiru f’pajjiżna, fil-fatt dan is-servizz qed jibbenefikaw minnu pazjenti ta’ kuljum. Dan l-apparat qed jiffaċilità l-ħajja ta’ dawn in-nisa hekk kif il-proċedura tad-dijanjosi qed isir fi ftit minuti.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega li permezz ta’ dan l-apparat ir-riżultat qed ikun aktar sigur u ċert. L-isptar Mater Dei qed joffri ukoll is-servizz ta’ MRI fis-sider, liema MRI juri jekk hemmx il-ħtieġa li jintuża dan l-apparat biex issir biopsy tas-sider.