Il-grupp Brikkuni, li fost il-protagonisti tiegħu hemm Mario Vella, mhux se jkunu qed jieħdu sehem kif maħsub fil-Farsons Beer Festival. Dan wara li għal darb’oħra Vella uża l-facebook tiegħu biex jgħaddi kliem dispreġjattiv u oxxen fil-konfront ta’ min ma jaqbilx miegħu.
Vella, li fl-aħħar xhur assoċja lilu nnifsu mal-Front Ħarsien ODZ, fost oħrajn, għandu stil li jitgħajjar kemm jiflaħ, joffendi personalment u jixtieq id-deni lil ħaddieħor. Ħafna bdew jistaqsu jekk għal kumpanija bħal Farsons, li tiftaħar bir-responsabbiltà soċjali tagħha, tagħmilx sens li tassoċja wieħed mill-aqwa avvenimenti tagħha ma’ dan it-tip ta’ aġir.
Għall-ewwel mistoqsijiet ta’ one.com.mt, Farsons ipprova jiġġustifika l-aġir. “In-negozjati ma’ Brikkuni biex jieħdu sehem fil-Farsons Beer Festival bdew f’April ta’ din is-sena u ġew konklużi fit-2 ta’ Mejju, ferm ħafna qabel mill-kummenti offensivi li saru fuq Facebook. Farsons tiddissassoċċja ruħha minn kull kummenti vulgari u mhux aċċettati magħmula minn Mario Vella dan il-weekend u aħna ħadna il-passi meħtieġa biex nissalvagwardjaw il-pożizzjoni tal-Kumpanija,” qalet il-kumpanija fl-ewwel tweġiba tagħha.
Mhux kuntenti b’din it-tweġiba, staqsejna iktar. Fakkarna li Vella ilu xhur iġib ruħu bl-iktar mod baxx fil-konfront ta’ min ma jaqbilx miegħu u saħansitra jiftaħar bil-mibegħda. Għal dan irċivejna tweġiba li Brikkuni mhux se jkunu fil-Beer Festival.
“Il-kumpanija ftiehmet ma’ Brikkuni li l-grupp mhux se jieħu sehem fil-Farsons Beer Festival,” wieġbet il-kumpanija din id-darba.