Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li fil-Partit Nazzjonalista m’hemmx gwerra.
Grech qal dan meta kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja, li ttratta l-kriżi politika fil-Partit Nazzjonalista.
Huwa pprova jagħti l-impressjoni li l-grupp parlamentari mhux maqsum bejn il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil u l-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia.
“Jingħat qisu hemm xi gwerra interna li mhijiex.”
Grech għamel din id-dikjarazzjoni surreali ftit jiem biss wara li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi inkludih ma’ grupp ta’ deputati li sejħu lil Adrian Delia biex iwarrab minn kap tal-Partit Nazzjonalista/
Fil-fatt huwa kien wieħed minn dawn id-deputati li għamel tiegħu stqarrija li ħarġu l-istess fazzjoni ta’ Busuttil li sejħu għar-riżenja ta’ Delia mit-tmexxija.
Din mhux l-ewwel darba li Grech qal li fil-Partit Nazzjonalista m’hemmx fazzjonijiet.
“Jien nassigurak li m’hemm l ebda fazzjoni. Mhu minnu xejn.”
Saħħansitra wasal biex qal li din hija narrativa tal-Partit Laburista
F’ laqgħa tal-Eżekuttiv tal-partit nazzjonalista l- Viċi Kap uxxenti Robert Arrigo fetaħ attakk fuq Claudio Grech u għajru li hu qatt ma għamel xejn għall-Partit Nazzjonalista.