Il-Qorti iddeċidiet li l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta m’għandux ikun involut fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Silvio Meli kien qiegħed jiddeċiedi f’kawża li ressqet il-familja ta’ Caruana Galizia fejn ilmentat li l-Assistent Kummissarju Valletta għandu kunflitt ta’ interess fl-investigazzjonijiet fil-qtil, għax qal li huwa r-raġel tal-Ministru ta’ Għawdex.
Il-familja qalet li Silvio Valletta għandu konnessjoni ma’ membru tal-kabinett u li Caruana Galizia kitbet diversi drabi fuq esponenti tal-gvern.
L-Imħallef Silvio Meli qal li huwa jifhem id-dubji li qegħdin iressqu l-familja ta’ Caruana Galizia għax l-Assistent Kummisarju huwa meqjus bħala persuna esposta politikament minħabba li huwa r-raġel tal-Ministru għal Għawdex u membru fil-bord tal-FIAU.
Għaldaqstant, il-qorti ordnat li l-Assistent Kummissarju Valletta ma jibqax jinvestiga dan il-każ.
Għad mhux magħruf jekk l-Avukat Ġenerali hux se jappella mid-deċiżjoni.
Dwar dan il-każ, tliet persuni jinsabu mixlija bil-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.