Aħna Grupp Parlamentari magħqud u Kabinett magħqud. Aċċenna dan id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne taħt it-tinda f’ Bormla, meta saħaq li jekk jingħata l-fiduċja li jkun mexxej tal-Partit u Prim Ministru se jassigura li Robert Abela jingħata l-ispazju kollu biex jikkontribwixxi fil-Partit u fil-pajjiż.
Chris Fearne stqarr li minkejja li hawn min qed jibża’ mill-firda, li taf iġġib magħha elezzjoni interna, hu kunfidenti li kapaċi jżomm l-għaqda fil-Partit.
Dan jixduh ukoll l-esponenti tal-Partit Laburista, il-Membri Parlamentari u tal-Kabinett li fil-jiem li għaddew esprimew l-appoġġ tagħhom lid-Deputat Prim Ministru fl-attivitajiet ta’ taħt it-tinda u fuq il-media soċjali.
F’Bormla, Chris Fearne tkellem ukoll fuq il-pjan tiegħu li jsaħħaħ il-vuċi tal-attivisti tal-Partit billi tinħoloq struttura li tipprovdi kuntatt iktar viċin mal-Grupp Parlamentari u mal-membri tal-Kabinett.
Qal kif “Ikollna struttura fil-partit li tagħmilha mandatorja li kull Membru Parlamentari, Segretarju Parlamentari u Ministru, b’mod regolari jiltaqa’ mal-attivistit tal-Partit fil-każini, fil-kwartieri fejn hemm bżonn biex jispjega x’hinu jagħmel, jiddiskuti x’hinu jagħmel mal-partitarji tagħna.”
B’dan il-mod, il-politika tal-Gvern tiġi diskussa mal-membri tal-Partit u b’hekk il-ħidma tal-Gvern tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Partit Laburista.