M’għandu jkun hemm l-ebda parti mil-liġi Maltija li tfixkel lit-tobba u lill-professjonisti milli jsalvaw il-ħajjiet.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti b’rabta mal-każ tat-turista Amerikana Andrea Prudente, li kellha 16-il ġimgħa tqala u, waqt btala f’pajjiżna, esperjenzat problemi.
Id-Deputat Prim Ministru qal li talab lill-istaff tekniku tal-Ministeru għas-Saħħa sabiex issir evalwazzjoni tal-liġi Maltija fl-intier tagħha, bil-għan li l-professjonisti mediċi jipprovdu l-aħjar kura lill-pazjent.
Semma kif il-każ ta’ Prudente mhuwiex l-ewwel wieħed tax-xorti tiegħu f’pajjiżna.
Chris Fearne qal ukoll li għandu l-assigurazzjoni mingħand l-Avukat tal-Istat li, f’każijiet bħal dawn, ma jittiħdux passi legali fil-konfront tal-professjonisti li jkunu qed jagħmlu dmirhom biex jagħtu l-kura lill-pazjenti jew isalvaw xi ħajja.