Fi stqarrija tard illejla, l-MUT ħabbret strajk għall-għalliema kollha t-Tnejn li ġej wara li baqgħet tinsisti li l-liġi għandha tiġi rtirata. B’reazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni sostna fil-Parlament li l-Gvern qed jerħi l-poter li jkun hu li joħroġ il-warrants. Żied li l-Gvern mhux supperv u lest jara li jekk hemm bżonn il-liġi tinkiteb b’mod aħjar għax l-interess tal-Gvern hu li jtejjeb il-qasam edukattiv.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li kien iddiżappuntat u sorpriż bl-itrike imħabbar mill-MUT iktar kmieni. Reġa’ stieden pubblikament lill-MUT għal laqgħa oħra għada filgħodu. Il-Ministeru hu disponibbli jiltaqa’ f’kull ħin u f’kull mument matul il-ġurnata ta’ għada biex b’mod kalm u raġunat id-diskussjoni ssir madwar il-mejda.
Kif intqal kemm-il darba, il-Ministeru għandu kull intenzjoni li jiltaqa’, jispjega, jiċċara u fejn hemm bżonn jemenda dan l-abbozz. Dan l-abbozz ta’ liġi qed fi stadju bikri u għad hemm kull ċans ta’ titjib fih. Il-Ministeru għandu r-rieda t-tajba biex jintlaħaq ftehim.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab laqgħa llum stess li ġiet rifjutata u sadanittant tħabbru dawn l-azzjonijiet.
Ir-raġuni li ngħata l-Ministeru mill-MUT għalfejn illum ma saritx il-laqgħa kienet li l-MUT kienet se tistenna direzzjoni mill-kunsill u mill-membri. Anke minħabba f’hekk, id-deċiżjoni tal-lejla hi waħda mhix mistennija.
L-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi qed ibatu mir-rivalità bejn l-MUT u l-UPE f’taqtigħa bejn min se jidher l-iktar aggressiv.