“Dalgħodu fil-Birgu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li n-nies fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta huma l-iktar li jaħtfu benefiċċji soċjali u l-iktar livelli ta’ droga. Ma naċċettahix. Jarmikom. Jarmi lill-uliedkom. Tafdawx lil min ikissirkom bi kliemu. Kitibli raġel illum u qalli li ma jridx lil Simon Busuttil jerġa’ jdaħħal fina sterjotipi tas-sebgħinijiet u tmeninijiet. L-istess negattività kontra n-nies ta’ dawn l-inħawi li kissruna.” Dawn kienu kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-mass meeting f’Ħaż-Żabbar li għalih attendew eluf kbar ta’ persuni.
Muscat kompla billi qal “Aħna nemmnu fikom u huwa biss dan il-moviment li jemmen fikom. Aħna moviment li noffru u offrejna pożittività u li ħloqna l-ġid f’pajjiżna u li rridukom tgħixu aħjar. Intom ma għandkom xejn inqas minn ħaddieħor.”