M’għandi ebda problema li nixhed fi kwalunkwe każ, għaliex m’għandix x’naħbi. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed iwieġeb dwar rapporti li mistenni jkun imsejjaħ jixhed fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Prim Minsitru qal dan waqt li kien qed iwieġeb domandi tal-ġurnalisti fi tmiem żjara waqt il-Fresher’s Week fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Mistoqsi jekk hux mgħarraf dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Prim Ministru Muscat kien ċar, li fejn l-awtoritajiet iħossu li għandu jkun mgħarraf dwar xi progress fil-każ, jgħarrfuh huma. Huwa żied jisħaq li għandu fiduċja sħiħa f’ħidmet il-Korp tal-Pulizija, li fuq kollox, 90 jum biss wara d-delitt, arrestaw tliet irġiel li bħalissa qed jiġu mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Mistoqsi dwar il-possibbiltà li Vince Muscat, wieħed mit-tliet akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia, jingħata l-maħfra presidenzjali Dr Muscat la kkonferma u lanqas ċaħad dawn ir-rapporti.