Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’għandu ebda problema u anzi jaċċetta li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jappella mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ma laqgħetx it-talba tiegħu li jingħata r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.
F’attività politika f’Ħal Luqa, il-Prim Ministru Muscat qal li l-Gvern m’għandu ebda problema li Adrian Delia jagħmel dan. “Inserraħlu rasu lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li l-għan tiegħi hu li r-rapport ikun ippubblikat mill-aktar fis”, qal Joseph Muscat.
Fl-istess jum fejn Adrian Delia tilef din il-kawża fil-Qorti wara li għamel tiegħu l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru għadda messaġġ ukoll lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li fuq il-midja soċjali qal lill-Prim Ministru biex ma jiqbax jilgħabha tal-vittma fuq il-kwistjoni Egrant:
“Lill-eks Kap Nazzjonalista ngħidlu biss li nixtieqlu saħħa u ġid, u j’Alla la hu u lanqas familtu ma jgħaddu minn nofs li għaddejt minnhu jien”, qal Muscat, li żied jgħid li kien maħsud b’dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni ftit tal-jiem ilu, meta liż-żgħażagħ li marru biex jappoġġjawh, b’mod isteriku qalilhom li huma maqtugħin mill-politika u li huwa rrabjat. Għall-kuntrarju, Dr Muscat innota li ż-żgħażagħ huma attivi fis-soċjetà u f’kampanji dwar kawżi ġusti, tant li ddeskrivihom bħala r-ruħ u l-qalb tħabbat ta’ dan il-pajjiż.
Qal li huwa kruċjali li aħna nħarsu lejn pajjiżna b’mod pożittiv u mhux inkellmu lil niesna b’ċertu rabja. Meta wieħed jara din id-differenza bejn iż-żewġ partiti wieħed jifhem għalfejn il-Partit Nazzjonalista donnu qata’ qalbu. Dr Muscat qal li min-naħa l-oħra l-Gvern, qatt ma beża’ mill-ġudizzju tal-poplu. Kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista li kieku kien għalihom 130,000 ruħ lanqas biss setgħu joħorgu jivvutaw.
Il-Partit Nazzjonalista issa jidher li għafas il-buttuna tal-paniku hekk kif qed jerġa’ jqajjem kwistjonijiet li dwarhom qatt ma kien hemm problemi. Iżda l-appell tal-Gvern u tal-Partit Laburista hija biss l-għaqda, xi ħaġa li l-Prim Ministru qal li se tibqa’ marbuta mal-Partit Laburista fil-Gvern. Hawnhekk talab lil dawk preżenti biex fil-25 ta’ dan ix-xahar iġeddu din l-għaqda billi jivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista, għaliex “vot lil dawn il-kandidati huwa vot lil Joseph Muscat”.