Deċiżjoni ta’ pilota li jipposponi landing ta’ ajruplan tal-Air Malta spiċċat fuq il-Mail Online – sit Ingliż tal-aħbarijiet. Titjijra tal-Air Malta kellha tinżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Munich, iżda l-pilota, fuq istruzzjonijiet tal-Air Traffic Control, iddeċieda li ma jinżilx.
Passiġġier minnhom stqarr mal-Mail Online li kien hemm ‘ajruplan ieħor fir-runway’, f’inċident li ġara nhar l-Erbgħa.
‘Probabilment kienet manuvra tajba ħafna tal-pilota, għaliex konna litteralment ftit metri bod milli mmissu t-tarmak’ qal passiġġier ieħor.
Kelliem għall-Air Malta kkonferma mal-MailOnline li ajruplan ieħor kien għadu ma telaqx mir-runway. Madanakollu qalu li dik li tissejjaħ ‘go around’ – jiġifieri li ajruplan jipposponi landing, mhix proċedura ta’ barra minn hawn u f’ebda ħin ma kien hemm passiġġiera jew membri tal-ekwipaġġ fil-periklu.
Passiġġiera rrakkontaw li l-pilota kellimhom u qalilhom li kien żmien bieżel ħafna fl-ajruport ta’ Munich. L-ajruplan imbagħad niżel b’mod normali ftit tal-ħin wara.